Home Net News Il-Parlament Ewropew b’vot finali u b’saħħtu favur il-liġi ta’ Metsola

Il-Parlament Ewropew b’vot finali u b’saħħtu favur il-liġi ta’ Metsola

9
0
SHARE
Advertisement

Il-liġi li
tipproteġi l-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea, li tmexxiet ‘il quddiem u
ġiet innegozjata mill-Membru tal-Parlament Ewropew għal Malta u Għawdex Roberta
Metsola, issa tista’ tibda tiġi implimentata wara li ngħatat approvazzjoni
finali u b’saħħitha mill-Parlament Ewropew.

In-negozjati fuq din il-liġi saru fi żmien rekord ta’ sitt xhur, bl-MEP Roberta Metsola taħdem lejl u nhar biex il-miżuri l-ġodda jsiru liġi qabel l-elezzjonijiet Ewropej f’Mejju. “Ma kienitx faċli biex nikkonvinċi l-gruppi politiċi l-oħra u l-Gvernijiet tal-UE biex jieqfu bir-retorika fuq l-immigrazzjoni u s-sigurtà, u jibdew jittieħdu d-deċiżjonijiet. Imma kkonvinċejna u rnexxielna. Meta ingħatajt l-inkarigu biex nikteb il-liġi l-ġdida dwar il-Gwardji tal-Kosta u l-Fruntieri Ewropej, ħadd ma basar li se naslu, imma llum, f’anqas minn sitt xhur, għandna ftehim b’saħħtu,” qalet l-MEP Metsola.

Il-liġi l-ġdida
se tfisser żieda ta’ 10,000 gwardji tal-kosta u l-fruntieri Ewropej li se
jassistu Stati Membri fuq numru ta’ affarijiet, b’mod speċjali fi żminijiet ta’
kriżi ta’ immigrazzjoni, biex jiġġieldu l-kriminalità bejn il-fruntieri, kif
ukoll biex jissaħħaħ u jsir aktar effiċjenti l-proċess biex persuni mingħajr
id-dritt li jkunu fl-UE jintbagħtu lura, flimkien ma’ salvagwardji ġodda
Ewropej. Il-Gvernijiet, inkluż dak ta’ Malta, diġà kienu approvaw il-ftehim
preliminari x-xahar li għadda.

Matul
in-negozjati, l-MEP Metsola nsistiet fuq prinċipju wieħed. “Jiena ridt liġi li
hi ġusta ma’ dawk li għandhom bżonn il-protezzjoni, b’saħħitha ma’ dawk li
m’għandhomx, u ħarxa ma’ dawk li jippruvaw jieħdu vantaġġ minn min hu
vulnerabbli. Nistgħu biss nindirizzaw l-isfidi tas-sigurtà u l-immigrazzjoni
jekk inżommu dan il-prinċipju f’moħħna,” qalet Metsola.

Waqt li
kkonkludiet il-ħidma tagħha bħala Rapporter fuq din il-liġi, l-MEP Metsola
qalet, “Minn meta ġejt eletta bħala rappreżentanta tal-poplu Malti u Għawdxin
fil-Parlament Ewropew, jien żammejt kuntatt mill-viċin maċ-ċittadini, niltaqa’
magħhom kull ġimgħa. U ma’ kull persuna li niltaqa’ – kemm jekk ikunu ġenituri,
studenti, pensjonanti u negozjanti – is-sigurtà dejjem tkun ta’ tħassib, u ridt
li nagħmel xi ħaġa dwarha. Din il-liġi hi r-risposta tiegħi, tal-Grupp tal-PPE
u tal-Parlament Ewropew għal dan it-tħassib.”

Waqt konferenza
tal-aħbarijiet indirizzata mal-MEP Roberta Metsola, l-Kummissarju Ewropew
għall-Immigrazzjoni u l-Intern Dimitris Avramopoulos irringrazzja lill-MEP
Metsola għall-ħidma tagħha fuq dan il-liġi importanti.

Din il-liġi se
tittrasforma l-mod kif l-aġenzija tal-UE tindirizza l-fenomenu
tal-immigrazzjoni, billi tassigura 10,000 gwardjan tal-fruntiera ġdid, ssaħħaħ
il-ġlieda kontra l-kriminalità, tipproteġi d-drittijiet fundamentali u tgħin
fil-proċess biex dawk li ma jkunux eliġibbli għall-protezzjoni jintbagħtu lura
b’mod sigur.

“Dan hu mument li
jien, ġejja minn Malta u Għawdex, jagħmilni kburi – imma hu wkoll mument ta’
kburija għall-Ewropa. Iċ-ċittadini talbu r-riżultati, u aħna ġibnihom – fi
żmien rekord,” temmet tgħid Metsola.

The post Il-Parlament Ewropew b’vot finali u b’saħħtu favur il-liġi ta’ Metsola appeared first on NETnews.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here