Home Newsbook Volkswagen bi pjan li jespandu l-operat tagħhom fiċ-Ċina

Volkswagen bi pjan li jespandu l-operat tagħhom fiċ-Ċina

4
0
SHARE
Advertisement

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Volkswagen AG, Herbert Diess, ħabbar li l-Volkswagen se jkunu qed isaħħu u jespandu l-operat tagħhom fiċ-Ċina bħala parti mit-tisħiħ tal-kumpanija b’mod globali. Waqt konferenza li saret viċin Shangai fil-ġranet li għaddew, huwa qal li ċ-Ċina qed turi is-saħħa tagħha f’dan is-settur u qed tespandi bħala ċentru ta’ produzzjoni tal-karozzi. Fiċ-Ċina Volkswagen se tkun qed talloka iktar riżorsi finanzjarji u umani għar-riċerka u l-iżvilupp, partikolarment fil-qasam tal-karozzi li jaħdmu bl-elettriku.

Diess qal li bħala brand tal-karozzi, Volkswagen trid tkun l-ewwel fost il-kompetituri fil-qasam tal-mobilità elettrika, kemm fiċ-Ċina kif ukoll globalment. Fl-aħħar xhur, is-CEO ta’ Volkswagen indika li l-kumpanija qed tħares lejn il-possibbiltà li żżid il-ftehim ma’ diversi kumpaniji tal-lokal biex tkompli tespandi l-operat tagħha u jkollha sehem importanti mill-ikbar suq tal-karozzi fid-dinja.

Iċ-Ċina ssarraf 40 fil-mija mill-ammont ta’ karozzi li Volkswagen tqassam madwar id-dinja, dan ifisser parti sostanzjali mill-qligħ li hija tagħmel. Madanakollu dan is-suċċess li qed tikseb fiċ-Ċina, Volkswagen għadha ssofri d-diffikultajiet fl-Ewropa marbuta mal-iskandlu tal-emissjonijiet li seħħew ftit tas-snin ilu.

Skont il-fundatur ta’ Alibaba li taħdem sigħat twal hija ‘barka’

Il-fundatur biljunarju ta’ Alibaba, Jack Ma, spiċċa taħt il-lenti tal-kritika hekk kif f’messaġġ li ta lill-impjegati tiegħu ftit tal-ġranet ilu qalilhom li jemmen li sigħat twal ta’ xogħol huma barka kbira għall-impjegati. Jack Ma għamel referenza għall-ħidma ta’ xogħol li hija magħrufa bħala 996, li fi ftit kliem tirreferi għal xifts ta’ xogħol mid-9am-9pm sitt ijiem fil-ġimgħa.

Jack Ma, li llum għandu 54 sena u li l-professjoni oriġinali tiegħu kienet ta’ għalliem, stqarr li fil-bidu tal-mixja tiegħu lejn is-suċċess ta’ Alibaba, hu flimkien ma’ sħabu li bdew din il-kumpanija mix-xejn, kienu jaħdmu sigħat twal ħafna. Fil-fehma tiegħu matul dawn il-ġranet ta’ xogħol u dedikazzjoni tpoġġew il-pedamenti għas-suċċess futur tal-kumpanija. Huwa staqsa kemm tista’ persuna tilħaq is-suċċessi tagħha jekk ma tagħmilx iżjed milli jkun qed jagħmel ħaddieħor. Qal li ma jiddispjaċihx meta jħares lura u jara li ħadem dawk is-sigħat tant twal.

Wara kritika qawwija li saritlu fl-aħħar ġranet dwar dawn il-kummenti, il-fundatur ta’ Alibaba ppreċiża li dawn il-ħinijiet twal ta’ xogħol m’għandhomx ikunu imposti minn min iħaddem iżda għandhom ikunu l-ħaddiema li jagħmlu din id-deċiżjoni. Huwa kiteb fuq blogg li jkun diżuman u anki illegali li ħaddiema jiġu mġiegħla jaħdmu ħinijiet twal u fl-istess waqt kontroproduċenti għal min iħaddem għax iħalli impatt negattiv fuq saħħet il-ħaddiema.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net 

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.

The post Volkswagen bi pjan li jespandu l-operat tagħhom fiċ-Ċina appeared first on Newsbook.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Newsbook

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here