Home Net News Tgħanniqa Mużikali mill-Banda Ċittadina Leone

Tgħanniqa Mużikali mill-Banda Ċittadina Leone

4
0
SHARE
Advertisement

B’suċċess, il-Banda Ċittadina Leone A.D. 1863 tellgħet il-kunċert ta’ marċi funebri ‘Tgħanniqa’ fil-Katidral t’Għawdex.

F’Ħadd il-Palm, il-Banda Ċittadina Leone A.D. 1863 tellgħet il-kunċert funebri annwali tagħha, fil-Katidral t’Għawdex. Il-kunċert ‘Tgħanniqa‘ ġabar il-kumpilazzjoni ta’ marċi funebri, kompożizzjoni tas-Surmast Direttur Colin Attard, ippubblikati mill-Banda Ċittadina Leone fl-okkażjoni tal-Ġimgħa Mqaddsa ta’ din is-sena, li jġibu l-istess isem.

B’attendenza numeruża, il-Banda Ċittadina Leone, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Colin Attard, esegwiet l-antaloġija ta’ marċi funebri tas-Surmast Attard, li żżewqu bi ħsibijiet marbutin mat-titlu tas-serata mill-pinna ta’ Matthew Sultana. B’mod partikolari, fl-okkażjoni tas-Sena Marjana mid-Djoċesi t’Għawdex, dawn il-ħsibijiet kienu qed jiffokaw fuq il-kuntatt bejn Ġesu u ommu Marija ssimbolizzat b’diversi tipi ta’ tgħanniqiet differenti.

Fost il-marċi funebri esegwiti, indaqq għall-ewwel darba fil-pubbliku l-marċ funebri ġdid tas-Surmast Colin Attard ‘Tgħanniqa lil Ġużi Abela’, li nkiteb din is-sena sabiex ifakkar il-memorja tal-eks-Kaxxier tas-Soċjeta’ Leone li ħalla din id-dinja fix-xhur li għaddew, u li minnu ħareġ l-isem tal-antaloġija ta’ marċi funebri, kif ukoll it-titlu ta’ dan l-istess kunċert.

L-Aurora Youth Choir ukoll ipparteċipa f’dan il-kunċert, b’esebizzjoni ta’ diversi tgħanniqiet differenti fil-bidu tal-kunċert. Barra minnhekk, fi tmiem il-kunċert, l-istess Kor ingħaqad mal-Banda Leone waqt il-marċ funebri popolari ‘La Croce’ ta’ Orlando Crescimanno. Dawk kollha preżenti setgħu jingħaqdu mal-Banda Leone u l-Aurora Youth Choir mal-versi tal-istess marċ.

The post Tgħanniqa Mużikali mill-Banda Ċittadina Leone appeared first on NETnews.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here