Home Net News Studju dwar il-pedamenti tas-Salib tal-Għolja

Studju dwar il-pedamenti tas-Salib tal-Għolja

5
0
SHARE
Advertisement

Ftit tal-jiem ilu, il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi organizza laqgħa pubblika dwar rapport li sar mill-geo-technical engineer, Adrian Mifsud dwar is-Salib tal-Għolja.

Dan ir-rapport kien issuġerrih il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi, lill-Parroċċa tas-Siġġiewi u lill- Arċidjoċesi ta’ Malta. B’koperazzjoni flimkien ġew investiti €5,000 biex isir dan r-rapport dwar l-pedamenti u ġeoloġija taż-żona tas-Salib tal-Għolja.

Fil-laqgħa li saret fil-bini tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi, is-Sindku tas-Siġġiewi, Alessia Psaila Zammit qalet li l-Kunsill Lokali kien appoġġja talba tal-Kurja lill-Gvern, f’Awwissu 2017 biex isir investiment fis-Salib tal-Għolja. Iżda hi sostniet li bħala Sindku ħasset li mhux biżżejjed li jsiru biss appelli u talbiet imma li kellhom jibdew studji tekniċi li jwasslu biex jiġi determinat l-ispejjeż u metodi għar-restawr. Tenniet li dan r-rapport huwa l-bidu għal ħidma u koperazzjoni, li konvinta li se tagħti futur aħjar lill-kappella u ż-żona bejn l-kappella u Laferla cross. Fil-fatt diġa kien wassal biex qed isiru studji oħra u applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjannar għal intervent fuq l-għar biex tkun tista terġa’ tinfetaħ iż-żona bejn l-kappella u s-salib.

L-espert Adrian Mifsud għamel preżentazzjoni dettaljata tar-rapport fejn spjega x’kien qed jikkawża ċaqliq fil-kappella u periklu fiż-żona fuq l-għar. Hu preżenta wkoll rakkomandazzjonijiet li diġa’ bdew jitwettqu mal-Università ta’ Malta u b’applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjannar. Għamel spjegazzjoni wkoll ta’ invetigazzjonijiet oħra li jridu jsiru fis-sit biex jiġi determinat xogħol meħtieġ biex jissaħħu l-pedamenti u eventwalment biex isir restawr tal-kappella.

Ir-rappreżentant tal-Arċidjocesi ta’ Malta, Michael Pace Ross qal li l-Kurja kienet infurmata mill-Gvern li hemm interess u mpenn li meta jitlestew dawn l-investigazzjonijiet, jassisti fl-investiment meħtieġ għar-restawr.

L-Arċipriet il-ġdid tas-Siġġiewi, Dun Josef Mifsud tkellem dwar l-importanza tas-sit għas-Siġġiewi u s-sinifikat reliġjuż ta’ dan l-patrimonju li ħallew Siġġiwin ta’ qabilna.

F’Ħamis ix-Xirka, dan is-sit jingħata dehra mill-isbaħ bil-fjakkoli għall-attività magħrufa bħala il-Mixegħla tas-Salib tal-Għolja organizzata mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi u l-Każin Banda San Nikola.  Pjazza San Nikola ukoll tiżżejjen bil-fjakkoli għall-Mixegħla tal-Pjazza organizzata mill-Kunsill Lokali u l-Grupp Armar 6 ta’ Diċembru. F’dawn l-attivitajiet jipparteċipaw ukoll l-Għaqda tan-Nar San Nikola u s-Siġġiewi Festival Brass Band.

The post Studju dwar il-pedamenti tas-Salib tal-Għolja appeared first on NETnews.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here