Home Net News Nipproteġu lill-whistleblowers fil-ġlieda tagħna għall-verità u l-ġustizzja – Casa, Zammit Dimech

Nipproteġu lill-whistleblowers fil-ġlieda tagħna għall-verità u l-ġustizzja – Casa, Zammit Dimech

5
0
SHARE
Advertisement

Ir-regoli
l-ġodda tal-UE li se jiġu addottati għada mill-Parlament Ewropew huma kruċjali
biex nassiguraw li l-whistleblowers u l-ġurnalisti investigattivi jkunu
protetti fil-kontinent. Kemm il-whistleblowers kif ukoll il-ġurnalisti
investigattivi huma kruċjali biex jinkixfu l-korruzzjoni, l-ħasil tal-flus u
l-ksur tal-liġijiet. Għalhekk, qed nibgħatu l-messaġġ li mhux se nieqfu
fil-ġlieda tagħna għall-verità u l-ġustizzja.

Dan
kien il-messaġġ ewlieni tal-MEPs David Casa u Francis Zammit Dimech
fid-diskorsi tagħhom waqt dibattitu fil-Plenarja tal-Parlament Ewropew dwar
il-Protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni.
Il-vot dwar il-liġi l-ġdida se jittieħed għada fil-Plenarja tal-Parlament
Ewropew.

Il-Kap
tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa, li
hu r-Rapporter tal-Grupp tal-PPE dwar din il-liġi fil-Kumitat tal-Impjiegi u
l-Affarijiet Soċjali, qal, “Jien rajt kif whistleblowers u ġurnalisti
investigattivi ġew attakkati, speċjalment f’ċirkostanzi meta kixfu persuni
f’pożizzjonijiet għolja fil-Gvern. Dawn il-ġurnalisti huma professjonali, u qed
jirriskjaw ħajjithom u dik tal-familji tagħhom biex jikxfu irregolaritajiet u
skemi ta’ korruzzjoni. Il-ġurnalisti u l-whistleblowers għandhom jingħataw
il-protezzjoni neċessarja. Jixraq li noffrulhom din il-protezzjoni għall-kuraġġ
li juru anke f’ċirkustanzi diffiċli.”

David Casa spjega li wara li ra mill-qrib il-kuraġġ li wrew il-whistleblowers u l-ġurnalisti investigattivi, hu nsista għal regoli tal-UE li jipproteġu lill-whistleblowers. Ir-regoli l-ġodda se jiggarantixxu protezzjoni lil dawk li jikxfu l-ksur tar-regoli tal-UE, li jvarjaw minn korruzzjoni u ħasil tal-flus, għall-protezzjoni tal-ambjent.

Il-Membru
tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech, li hu r-Rapporter tal-Grupp
tal-PPE dwar din il-liġi fil-Kumitat tal-Kultura u l-Midja, qal, “Il-liġi dwar
il-whistleblowing tibgħat messaġġ ċar li rridu nipproteġu liċ-ċittadini li
jikxfu l-korruzzjoni, li rridu nipproteġu lill-ġurnalisti investigattivi u li
rridu nissalvagwardjaw id-drittijiet taċ-ċittadini li jkunu nfurmati dwar dak
li hu ta’ interess għalihom.”

Zammit Dimech ressaq ukoll emendi biex
isaħħaħ il-liġi fil-Kumitat tal-Affarijiet Legali li hu membru tiegħu.
Il-proposti tiegħu kienu jinkludu li meta persuni jkollhom biżżejjed raġunijiet
biex jemmnu li hemm kollużjoni bejn min qed jikser il-liġi u l-awtoritajiet
relevanti, dawn ikunu jistgħu jikxfu l-informazzjoni lill-pubbliku, xi ħaġa li
tista’ ssir anke jekk il-provi jkunu jistgħu jiġu mbagħbsa jew jinqerdu. Zammit
Dimech assigura wkoll il-protezzjoni tal-ġurnalisti li kultant iservu bħala
intermedjarji għall-whistleblowers fil-proċess biex jikxfu l-verità u
l-korruzzjoni.

The post Nipproteġu lill-whistleblowers fil-ġlieda tagħna għall-verità u l-ġustizzja – Casa, Zammit Dimech appeared first on NETnews.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here