Home Net News Gżira United jaċċertaw posthom fl-Europa League għal staġun ieħor

Gżira United jaċċertaw posthom fl-Europa League għal staġun ieħor

3
0
SHARE
Advertisement

GŻIRA UNITED………….. 1 FLORIANA………….. 0

Gżira: J. Haber, R.
Briffa, R. Soares, F. Barbosa, S. Borg, G. Conti, E. Bilbao Zarate, A. Cohen (C.
Gatt Baldacchino 77’), J. Corbalan (Z. Scerri 61’), J. Mengolo (N. Muscat 45’),
H. Garba

Floriana: I. Akpan, A. Cini,
E. Ruiz, J. Pisani, A. Oyama, E. Marcelina, B. Paiber, U. Arias (E. Cesani 46’),
D. Agius (T. Vella 56’), K. Keqi, T. Galvao da Silva (C. Borg 77’)

Imwissija: J. Mengolo
12’ (G), E. Ruiz 37’, J. Pisani 82’, B. Paiber 88’ (F)

Skorja: A. Oyama og 23’ (G)

Referee: Trustin Farrugia
Cann

Assistenti Referees: Roberto
Vella, Duncan Spencer

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Roderick Briffa (Gżira United)

Attendenza: 293

Gżira United ħadu dak li riedu hekk kif bid-draw ta’
Sliema Wanderers aktar qabel u bir-rebħa tagħhom, kisbu kwalifikazzjoni
awtomatika biex jidħlu fl-Europa League għat-tieni staġun konsekuttiv.
Il-Gżirjani kienu l-aħjar tim fl-ewwel taqsima iżda sofrew il-pressjoni
tal-avversarji fit-tieni taqsima għalkemm Floriana ftit inkwetaw lil Justin
Haber.

Mertu ta’ dan imur għad-diriġenza ta’ Gżira li żammew
skwadra kompetittiva mmexxija minn Darren Abdilla u aktar riċentament minn
Jesmond Zerafa li żamm ir-ritmu tat-tim għaddej. Din kienet il-mira prinċipali
tat-tim.

Kienu Floriana li ħolqu l-ewwel azzjoni denja wara kwarta
bi kross tajjeb mix-xellug ta’ Arthur Oyama lejn Kristian Keqi li għola tajjeb
iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu għaddiet fuq il-mimduda. Sitt minuti wara ċans
tajjeb għal Gżira bi kross mil-lemin ta’ Roderick Briffa, b’Haruna Garba jara
d-daqqa ta’ ras tgħaddi ftit barra għalkemm kien f’pożizzjoni ta’ offside.

Gżira fetħu l-iskor fit-23 minuta f’sitwazzjoni mhux
mistennija. Minn kross mix-xellug ta’ Sacha Borg, Arthur Oyama prova
jikkontrolla l-ballun fil-kaxxa iżda kkontrollah ħażin u spiċċa baqa’ dieħel
fix-xibka. L-istess Oyama mar qrib li jpatti għall-iżball erba’ minuti wara
b’xutt minn barra l-kaxxa li kien imxellef u spiċċa ftit barra.

Il-Maroons kellhom opportunità tajba fil-31 minuta meta
reġa’ kien Briffa li tefa’ kross perikoluż fil-kaxxa, b’Justin Mengolo jidħol
tajjeb iżda l-konklużjoni għaddiet ftit għoli. Żewġ minuti wara xutt ta’
Brandon Paiber minn barra l-kaxxa għadda għoli.

Gżira reġgħu marru viċin li jirduppjaw fil-35 minuta
b’xutt ta’ Garba li kien b’xi mod salvat minn Akpan, bl-istess gowlkiper isalva
b’mod konvinċenti xutt ta’ Mengolo ħames minuti wara.

L-andament fit-tieni taqsima nbidel b’Floriana jieħdu
l-kontroll tal-logħba f’idejhom, b’Gżira ma joħolqux azzjoni waħda fit-tieni
taqsima. Kien fil-81 minuta li Clyde Borg ħoloq periklu b’xutt insidjuż li
għadda ftit għoli. Fit-92 minuta Haber kien attent biex dawwar f’korner xutt
fuq it-tieni lasta ta’ Arthur Oyama. Fl-aħħar azzjoni tal-logħba Marcelina
prova bi free-kick li spiċċa ftit għoli.

Mat-tisfira finali bdew iċ-ċelebrazzjonijiet
tal-partitarji ta’ Gżira li raw lit-tim tagħhom jikkonferma postu mal-ewwel
tlieta għat-tieni sena konsekuttiva.

The post Gżira United jaċċertaw posthom fl-Europa League għal staġun ieħor appeared first on NETnews.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here