Home Net News Aktar minn 5 xhur mix-xogħol ħażin fil-bypass tal-Mellieħa

Aktar minn 5 xhur mix-xogħol ħażin fil-bypass tal-Mellieħa

6
0
SHARE
Advertisement

Ian Borg ma jżommx kelmtu…ix-xogħol għadu ma sarx

Minkejja  l-ħafna ftaħir u paroli fix-xejn tal-Ministru
Ian Borg, il-verità llum turi kif dan il-Gvern jidħak bin-nies biex jaljenahom

Residenti
fil-Mellieħa fil-jiem li għaddew avviċinaw lil il-mument u tkellmu dwar il-mod
sfaċċat kif il-Ministru tat-Toroq Ian Borg f’Ottubru u f’Novembru li għadda
daħak bihom meta wegħedhom li l-bypass tal-Mellieħa trid tingħata wiċċ ġdid
minħabba li x-xogħol li kien sar ma kienx ta’ kwalità tajba.

Dawn
ir-residenti li ta’ kuljum jużaw din il-bypass tal-Mellieħa qalu li darba
x-xogħlijiet kienu lesti, huma kienu lmentaw dwar il-kwalità tat-triq u
l-Ministru Ian Borg kien wiegħedhom li se jintervjeni biex ix-xogħljiet
tal-wiċċ tat-triq jerġgħu jsiru u jsiru bi spejjeż tal-kuntrattur.

“Issa
għaddew għadd ta’ xhur u ma jidher li hemm l-ebda sinjali ta’ xogħlijiet biex
din it-triq tkun irranġata. Mhux biss, iżda issa deħlin fl-istaġun tas-sajf u
kemm-il darba dawn ix-xogħlijiet meħtieġa ma jsirux issa, allura probabbli
jkollna sajf ieħor ta’ trabijiet u inkonvenjenti,” qalulna dawk li tkellmu
magħna.

Huma ssoktaw
li huma kienu jistennew aktar mill-Ministru Ian Borg u mhux jagħmel ripetutament
stqarrijiet li din il-bypass tal-Mellieħa se tkun irranġata, iżda mbagħad ma
jsir xejn.

“Hawn qbil
bejn kulħadd hawnhekk fil-Mellieħa li l-bypass tal-Mellieħa trid tingħata wiċċ
ġdid u l-Ministru kien qal li x-xogħlijiet meħtieġa ma kellhomx jitħallsu minn
but il-poplu, iżda dawn kellu jagħmel tajjeb għalihom il-kuntrattur li ma
għamilx xogħol ta’ kwalità tajba.”

Huma żiedu
jfakkru f’dak li kien qal il-Ministru Ian Borg fis-sens li kienu saru testijiet tal-kwalità fuq wiċċ it-triq, wara li xi partijiet mit-triq
ma kenux għaddew
mit-test. Ta’ min ifakkar li dak
il-proġett kien sewa €2 miljun u
kien qajjem kontroversja sħiħa.

Ix-xogħol kien beda f’Mejju tas-sena l-oħra u tul
il-proċess tiegħu kien għadda minn taħt idejn kuntratturi differenti
mqabbdin b’direct order, li l-Ministeru ġġustifika billi qal li ried itemm
il-proġett sal-bidu tas-sajf 2018.

Ir-residenti fil-Mellieħa li din il-ġimgħa tkellmu ma’
il-mument fakkru li lejn tmiem is-sena l-oħra l-istazzjon tal-Partit Laburista
kien għamel kampanja sħiħa jgħid li “ċertu partijiet minn Triq Louis
Wettinger jew kif nafuha aħjar, il-bypass tal-Mellieħa, se terġa’ tingħata wiċċ
ġdid wara li x-xogħol ma laħaqx il-livelli mixtieqa.”

Dakinhar
il-media Laburista kienet ftaħret li “ċertu partijiet tal-Mellieħa bypass ma laħaqx
il-kwalità meħtieġa mill-Gvern, mill-awtoritajiet, minn Infrastructure Malta u li l-kuntrattur ser ikun qiegħed spejjeż tiegħu jiksi mill-ġdid dik iz-zona
fejn huwa ma laħaqx il-livelli meħtieġa”.

Kienu żiedu li “l-Ministru Ian Borg
irrimarka li dan il-Gvern stabbilixxa
livelli ġodda ta’ kif għandu jsir ix-xogħol u saħaq fuq il-kontabilità u l-użu
sew ta’ flus il-poplu. Il-Ministru kien kompla
wkoll li “Dan huwa l-mod li aħna rridu nkomplu naħdmu. M’aħniex
se nippermettu ċenteżmu mqar wieħed jew jikkomprometti l-kwalità li biha
naħdmu. M’iniex se nħalli li x-xogħol li qed nagħmlu bħala Gvern b’investiment
bla preċedent ta’ seba’ mitt miljun ikun suġġett għall-kwalità inferjuri”.

Dawk li tkellmu ma’ il-mument temmew li minkejja dan
il-ħafna ftaħir u paroli fix-xejn, il-verità llum turi kif dan il-Gvern jidħak
bin-nies biex jaljenahom. Sal-lum ix-xogħlijiet meħtieġa baqgħu ma sarux u dan
hu tal-mistħija.

The post Aktar minn 5 xhur mix-xogħol ħażin fil-bypass tal-Mellieħa appeared first on NETnews.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here