Home Newsbook “X’valuri qed ngħaddu bil-likes tagħna fuq Facebook?” – l-Arċisqof

“X’valuri qed ngħaddu bil-likes tagħna fuq Facebook?” – l-Arċisqof

11
0
SHARE
Advertisement

L-Arċisqof Charles Scicluna staqsa x’valuri qed inħaddnu meta nagħmlu l-likes fuq Facebook jew nitkellmu b’aggressività fuq il-mezzi soċjali.

L-Arċisqof Scicluna saħaq dwar l-importanza li ngħoddu lilna nfusna bħala Nsara u Kattoliċi filwaqt li tkellem dwar it-tbatija ta’ Marija quddiem is-Salib. Huwa qal dan f’omelija tad-Duluri fil-Knisja Parrokkjali fis-Swatar hekk kif ilbieraħ filgħaxija eluf ta’ Maltin attendew għad-diversi purċissjonijiet tad-Duluri li saru f’diversi parroċċi madwar Malta.

“Aggressivi jew razzjali fuq il-mezzi soċjali”

Fil-messaġġ tiegħu fil-Knisja tas-Swatar, l-Arċisqof Charles Scicluna appella lil kulħadd biex jistaqsi lilu nnifsu jekk hux qed jisma’ l-kelma t’Alla, u iktar importanti minn hekk, li jwettaqha.

Spjega li din il-mistoqsija jagħmilha Ġesù lill-Knisja u lill-familja tiegħu għax il-Kattoliċi huma parti mill-familja tiegħu. L-Arċisqof semma kif xi Maltin fuq il-mezzi soċjali jkunu aggressivi jew razzjali meta jitkellmu fuq xulxin, fuq il-barranin u anke bejniethom.

Fl-istess waqt qal li l-Insara li jisimgħu il-kelma ta’ Ġesù jafu li għandhom jaħfru, jħobbu lill-għedewwa tagħhom u jilqgħu lil barranin.

L-Arċisqof Scicluna ammetta li ħafna drabi l-Kelma ta’ Alla ddejjaq lill-bniedem u tirritah għax tmur kontra l-istinti qawwija tiegħu u anke kontra l-valuri tad-dinja li mhuma valuri xejn. Appella lil bniedem sabiex qatt ma jaqta’ qalbu għax għandu jdur lejn il- Mulej u jgħidlu: ‘Jiena dgħajjef’.

“Hawn hi ommok, hawn hu ibnek”

Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof Scicluna għadda biex jitkellem dwar il-kliem li lissen Ġesù minn fuq is-salib  “hawn hi ommok, hawn hu ibnek,” u għat-tbatija li jgħaddi minnha persuna msallba, biex tkun tista’ titkellem.

Irrefera għall-familja Arjana li Ġesù waqqaf minn fuq is-salib, li qal mhijiex mibnija fuq ir-rabta tad-demm iżda fuq id-dixxipulat jew li wieħed ikun dixxiplu tal-Mulej.   Kompla jispjega li l-familja ġdida ta’ Ġesù mhijiex kwistjoni ta’ riti jew tradizzjoni iżda li tisma’ l-Kelma ta’ Alla u tagħmilha.

L-Arċisqof Scicluna saħaq li ċ-ċertezza tal-bniedem hija l-ħniena tal-Mulej. Żied jgħid li d-duluri ta’ ommu huma duluri ta’ omm li qed issir dixxiplu,  li saret Omm il-Knisja kif ukoll omm fil-familja tad-dixxipli.

Eluf ta’ Maltin jattendu l-purċissjonijiet tad-Duluri
Intant il-Ġimgħa filgħaxija eluf ta’ Maltin attendew għall-purċissjonijiet tad-Duluri li saru fil-parrocci f’Jum id-Duluri.

Ir-ritratti huma tal-purċissjoni li ħarġet mill-Knisja Ta’ Ġieżu fil-Belt Valletta. Din tmexxiet mill-Arċisqof Charles Scicluna flimkien mal-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona.

Ritratti: Kurja – knisja.mt/ritratti

The post “X’valuri qed ngħaddu bil-likes tagħna fuq Facebook?” – l-Arċisqof appeared first on Newsbook.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Newsbook

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here