Home One News “Waqqafna riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew milli titlob li jiskatta Artiklu 7 kontra Malta”...

“Waqqafna riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew milli titlob li jiskatta Artiklu 7 kontra Malta” – Miriam Dalli

4
0
SHARE
Advertisement

Kien il-Grupp Soċjalisti u Demokratiċi li bblokka riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew milli timbotta lill-Kummissjoni Ewropea biex tagħti bidu għall-Artiklu 7 kontra Malta. Minflok din ir-riżoluzzjoni talbet għal djalogu mal-Gvern Malti, spjegat l-Ewroparlamentari Miriam Dalli.

“Kieku ma kinitx għall-pressjoni magħmula mill-Grupp S&D, u personalment ma’ Ewroparlamentari, ir-riżultat kien ikun wieħed differenti ħafna,”qalet Miriam Dalli, waqt li kienet qed tindirizza attività f’Ħal Luqa.
Dr Dalli kienet qed tirreferi għar-riżoluzzjoni adottata fil-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt f’Malta u l-iSlovakkja. Wara ż-żjara ta’ grupp ta’ MEPs f’Malta, l-ewwel abbozz li ġie ċċirkolat kien jimbotta lill-Kummissjoni Ewropea biex tagħti bidu għall-Artiklu 7 – proċess li eventwalment jirriżulta fis-sospensjoni tad-drittijiet tal-vot u l-aċċess għall-fondi Ewropej. Sospensjoni tad-drittijiet tal-vot tkun tfisser li Malta ma jkollhiex vuċi fuq deċiżjonijiet meħuda mill-Istati Membri, partikolarment fi kwistjonijiet fejn hija meħtieġa l-unanimità.

Minflok, ir-riżoluzzjoni finali adottata mill-plenarja fi Strasburgu ħeġġet lill-Kummissjoni biex tidħol fi djalogu mal-Gvern Malti.

“Għal bosta snin rajna l-MEPs tal-PN jippruvaw jattakkaw il-gvern, imma fir-realtàkienu qed jagħmlu ħsara lill-pajjiż. Bħala Ewroparlamentari, xogħolna huwa li ngħinu ntejbu lil pajjiżna u lill-komunitajiet tagħna u mhux nimbuttaw u nkunu parteċipi f’attakki b’riperkussjonijiet serji, sempliċement biex wieħed jiskorja punti partiġġjani,” qalet Dalli.

“Bil-pożizzjoni tagħhom, il-Partit Nazzjonalista u l-MEPs tiegħu ma jistgħux ikunu kredibbli għax mhumiex konsistenti.”

Wara snin jirrepetu l-istess akkużi kontra Malta flimkien ma’ numru ta’ MEPs, huma ppruvaw jitbiegħdu mill-istqarrijiet kontra Malta li għamel l-Ewroparlamentari Ġermaniż Sven Giegold. L-MEPs tal-PN ħadmu mill-viċin ma’ Giegold u flimkien indirizzaw konferenzi stampa fuq Malta.

L-istess MEP Ġermaniż akkuża lill-MEPs tal-PN b’ “kodardiżmu politiku” meta dawn “ikkundannaw” is-sejħiet ta’ Giegold biex iqanqlu l-Artiklu 7 kontra Malta wara li huma stess ilmentaw ” għal snin dwar korruzzjoni u impunità”.

“Kieku xi ħaġa kellha tiġri fil-konfront ta’ Malta, ikunu l-familji u l-ħaddiema tagħna li jsofru. Kieku l-ekonomija tagħna kellha tieħu daqqa ta’ ħarta, huma l-impjiegi li se jsofru. Huwa għalhekk li jien dejjem ħdimt kontra l-attakki tal-PN,” qalet Dalli.

Il-MEP tal-Partit Laburista tenniet l-impenn tagħha li tkompli taħdem bis-sħiħgħall-interessi Maltin fil-fora kollha.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit One News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here