Home Net News “Il-Gvern kellu jimplimenta t-tibdil li qaltlu l-Kummissjoni Venezja wara pressjoni qawwija mill-Oppożizzjoni”

“Il-Gvern kellu jimplimenta t-tibdil li qaltlu l-Kummissjoni Venezja wara pressjoni qawwija mill-Oppożizzjoni”

9
0
SHARE
Advertisement

“Wara l-pressjoni qawwija li saritlu mill-Oppożizzjoni, l-Gvern ma kellu l-ebda għażla ħlief li jimplimenta t-tibdiliet li qaltlu l-Kummissjoni Venezja li kienu simili għar-riformi li l-Partit Nazzjonalista ilu xhur jgħidlu biex iwettaq.” Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attivita’ politika fiż-Żurrieq bit-tema Futur għal Pajjiżna.

Adrian Delia qal li l-Kummissjoni Venezja tkellmet ċar dwar il-bżonn li jitneħħa l-irwol doppju tal-Avukat Ġenerali. Huwa qal li l-Oppozizzjoni ilha tikkritika dan il-kunflitt ta’ interess tal-Avukat Ġenerali, fejn huwa l-avukat tal-Gvern u fl-istess ħin jiddeċiedi jekk jieħux passi kontra membri tal-Gvern.

L-Avukat Ġenerali spiċċa l-avukat tal-Prim Ministru, tal-Ministri u tal-persuni qrib tal-Gvern Laburista. L-Avukat Ġenerali ħoloq ukoll żbilanċ politiku serju meta ddeċieda li ma jagħtix kopja sħiħa tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja lill-Kap tal-Oppożizzjoni, u dan wassal biex Adrian Delia kellu jiftaħ kawża Kostituzzjonali kontra l-Avukat Ġenerali biex jingħata kopja sħiħa tal-inkjesta.

Adrian Delia qal li l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici stqarr li dan huwa Gvern riformista, iżda l-liġijiet fihom infushom ma jfissru xejn jekk il-Gvern ma jkollux ir-rieda li jwettaq l-ispirtu tal-liġi.

B’id waħda jgħid mod u bl-id l-oħra jagħmel mod ieħor bħal meta kienet qed tiddaħħal il-liġi li tneħħi l-preskizzjoni fuq każijiet ta’ korruzzjoni minn politiċi u Konrad Mizzi u Keith Schembri kienu qed jiftħu l-kumpaniji sigrieti fil-Panama u meta kienet qed tiddaħħal il-liġi dwar donazzjonijiet lill-partiti, fl-istess żmien il-Partit Laburista ngħata donazzjoni tal-Australia Hall.

Adrian Delia qal li filwaqt li l-Ministru jgħid li l-Gvern biddel is-sistema li biha jintgħażlu l-ġudikanti, l-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello jgħid bl-aktar mod ċar li din is-sistema wasslet biex jintgħażlu n-nies li jrid il-Gvern. Huwa qal li l-Gvern qiegħed idaħħal liġijiet għall-isem biss bħalma għamel bil-liġi tal-whistleblower, biex flok jipproteġi lill-whistleblowers, spiċċa keċċihom minn pajjiżna bħalma ġara fil-każ tal-viżi Alġerini. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jeħtieġ li jiddaħħlu miżuri konkreti għat-tisħiħ tad-demokrazija u tibdiliet li jassiguraw l-indipendenza tal-istituzzjonijiet biex verament iservu liċ-ċittadini għaliex il-Gvern Laburista ħataf l-istituzzjonijiet taħt idejh, kif qaltlu wkoll il-Kummissjoni Venezja. Dan huwa Gvern bla pjan għal bosta settur, għas-saħħa, t-trasport, l-infrastruttura u l-ambjent imma li kellu pjan ċar, li jahtaf l-istituzzjonijiet kollha ta’ pajjiżna.

The post “Il-Gvern kellu jimplimenta t-tibdil li qaltlu l-Kummissjoni Venezja wara pressjoni qawwija mill-Oppożizzjoni” appeared first on NETnews.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here