Home Net News Faċli għal Franza u l-Ingilterra u l-Portugall miżmuma mill-Ukrajna

Faċli għal Franza u l-Ingilterra u l-Portugall miżmuma mill-Ukrajna

5
0
SHARE
Advertisement

Iċ-champions tad-dinja Franza u l-Ingilterra kellhom bidu feliċi għall-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew wara li kif mistenni kisbu rebħiet fil-logħbiet rispettivi.

Franza rebħet barra minn darha 4-1 kontra l-Moldova. Huma fetħu l-iskor fl-24 minuta meta Paul Pogba b’intelliġenza qabbeż il-ballun fuq id-difiża avversarja lejn ANTOINE GRIEZMANN li ġera fl-ispazju biex iltaqa’ mal-ballun u skorja b’xutt mill-ewwel.

Tliet minuti wara l-iskor sar 2-0 meta din id-darba kien
minn korner ta’ Griezmann li d-difensur Raphael Varane daħal tajjeb fuq l-ewwel
lasta biex skorja b’daqqa ta’ ras.

OLIVIER GIROUD 
skorja t-tielet gowl fis-36 minuta meta rċieva kross min-naħa xellugija
tal-kaxxa ta’ Blase Matuidi u mattar siequ biex antiċipa l-ħarġa tal-gowlkiper.

KYLIAN MBAPPE niżżel ismu wkoll fost l-iskorers fis-86
minuta meta skorja waħdu mal-gowlkiper wara li Thomas Lemar seraq ballun f’pożizzjoni
ċentrali. Il-Moldova skorjat il-gowl ta’ konsolazzjoni żewġ minuti wara, meta
daqqa ta’ ras ta’ Vitalie Damaşcan ħabtet mal-wieqfa b’VLADIMIR AMBROS jiskorja
mir-rebound.

RAHEEM STERLING spikka għat-tim ta’ Gareth Southgate bi
tripletta fir-rebħa kbira ta’ 5-0 fuq ir-Repubblika
Ċeka
f’Wembley Stadium. Il-plejer ta’ Manchester City fetaħ l-iskor fl-24
minuta meta rċieva kross fil-baxx minn Jadon Sancho biex mattar saqajh u għeleb
lil Jiri Pavlenka.

L-iskor sar 2-0 fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima meta Sterling
twaqqa’ minn żewġ plejers fil-kaxxa. Inkariga ruħu HARRY KANE li skorja b’xutt
preċiż fuq ix-xellug tiegħu.

RAHEEM STERLING għalaq il-logħba fit-62 minuta meta
l-ballun wasal għandu b’mod fortunat iżda wera l-kwalità biex għamel l-ispazju
għalih u skorja b’xutt bid-dawra.

RAHEEM STERLING għamilhom 4-0 sitt minuti b’xutt minn
barra l-kaxxa li kien imxellef. Awto-gowl ta’ Tomas Kalas issiġilla r-rebħa
għat-tim Ingliż.

Il-Portugall
naqset li tibda b’rebħa f’Estadio da Luz wara draw ta’ 0-0 kontra l-Ukrajna. Għat-tim Portugiż irritorna
Cristiano Ronaldo iżda ma rnexxielhom jinfdu lid-difiża avversarja mmexxija
mill-gowlkiper Andriy Pyatov li kellu partita mill-aqwa.

Id-difensur Pepe ħoloq l-ewwel periklu wara 16-il minuta
b’xutt minn barra l-kaxxa li kien imdawwar għal korner minn Pyatov. Ftit wara
William Carvalho kellu gowl imħassar ġustament għal offside.

Cristiano Ronaldo kellu l-ewwel opportunità fit-23 minuta
b’xutt fil-baxx li ġie salvat tajjeb minn Pyatov, bil-gowlkiper Ukren ikun
providenzjali biex salva xutt ieħor fil-baxx ta’ Ronaldo.

L-isforzi tal-Portugiżi komplew fit-tieni taqsima, b’Pyatov
jerġa’ jċaħħad lil Andrè Silva b’save mill-aqwa. Minkejja d-diversi
okkażjonijiet, l-Ukrajna kellha ċans tad-deheb fil-85 minuta b’Rui Patricio ma
jżommx xutt insidjuż ta’ Yevheniy Konoplyanka, iżda mir-rebound Junior Moraes
spara għoli mill-viċin.

Tliet minuti wara xutt ta’ William Carvalho għadda ftit barra biex fil-ħin miżjud il-Portugall ipprotestat għal penalty li ma ngħatax mir-referee Franċiż Clément Turpin.

Riżultati

Grupp A – Bulgarija v Montenegro 1-1, Ingilterra v Repubblika Ċeka 5-0

Grupp B – Lussemburgu v Litwanja 2-1, Portugall v Ukrajna 0-0

Grupp H – Albanija v Turkija 0-2, Andorra v Iżlanda 0-2, Moldova v Franza 1-4

The post Faċli għal Franza u l-Ingilterra u l-Portugall miżmuma mill-Ukrajna appeared first on NETnews.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here