Home Malta Winds Niddefendu l-ħajja tat-tarbija bla leħen fil-ġuf…LE għall-abort

Niddefendu l-ħajja tat-tarbija bla leħen fil-ġuf…LE għall-abort

3
0
SHARE
Advertisement

Fil-pajjiż
beda d-dibatttu dwar l-abort. Dibattitu jaħraq li f’pajjiżi barranin ġab
qasmiet kbar fis-soċjetà. F’Malta mhux b’inqas, għaliex dan hu dibattittu li
jiffoka fuq il-bniedem; fuq il-persuna u mhux fuq xi aspett ekonomiku li
quddiem il-bniedem hu bla dubju sekondarju.

Niddikjara
mill-ewwel li jien kontra l-abort; anzi anki nopponi l-ħsieb li persuna tikkunsidra
li tilleġiżla biex toqtol persuna oħra. Ħadd m’għandu dritt jaħseb li jippjana
u jwettaq il-qtil ta’ ħaddieħor.

Wieħed
mill-argumenti ewlenin marbutin mal-abort hu propju minn fejn tibda l-ħajja.
Nemmen li l-ħajja tibda mal-konċepiment u għalhekk anki f’dak l-istadju bikri ħadd
m’għandu dritt ineħħi l-ħajja tal-persuna li tkun fil-ġuf. 

Mhux
korrett min jipprova jiġġustifika l-abort billi jagħti stadji differenti dwar
meta tibda l-ħajja. Mhux korrett min jgħid li embrijun mhux bniedem għaliex hu
biss format minn tmien ċelloli. Il-ħajja tibda mal-konċpiment u għalhekk f’dak
l-istadju hemm il-ħajja li ma tistax tinqered.

Ir-rwol
tal-politiċi f’dan id-dibattitu hu wieħed primarju. Kull politiku hu obbligat
li jieħu pożizzjoni għaliex il-poplu għandu dritt ikun jaf kif jaħsbuha
l-politiċi tiegħu dwar l-abort. Se jkun hemm min jargumenta li l-abort mhux suġġett
politiku u li għalhekk il-politiċi għandhom jibqgħu barra minn dan
id-dibattitu. Fil-fatt diġà hawn min jopponi li l-politiċi jitkellmu dwar
l-abort sempliċiment għax huma politiċi.

L-argument
fil-fatt għandu jsir bil-maqlub; il-politiċi għandhom dritt u obbligu li
jitkellmu. Il-poplu Malti għandu dritt ikun jaf ukoll il-pożizzjoni tal-partiti
politiċi dwar dan is-suġġett. Ma jistax ikollna partiti politiċi li ma jieħdux
pożizzjoni dwar il-ħajja tal-bniedem. Minbarra pożizzjoni ċara, il-partiti
politiċi jridu jiddikjaraw ukoll li ma jinkludu l-ebda klawsola ambigwa
fil-programm elettorali tagħhom li tkun tieqa biex f’Malta jidħol l-abort.

Dan hu punt importanti għaliex is-soċjetà Maltija diġà kellha esperjenza fejn il-Ministru Helena Dalli iddikjarat li ċertu liġijiet li ddaħħlu fil-pajjiż ma kienx hawn maġġoranza dwarhom iżda ddaħħlu bħala pakkett u l-poplu ivvota għall-pakkett bla ma kien konxju minn dak li verament kien qed jivvota dwaru. Id-daħka tal-Ministru Helena Dalli meta f’laqgħa f’fora internazzjonali spjegat kif ħadem il-PL f’din il-manuvra tispjega kollox u turi l-idejn moħbija. Turi kemm m’għandhiex nafdaw. M’għandux ikun tollerat li xi partit politiku jerġa’ jieħdu din il-pożizzjoni u juża dan l-attaeġġjament skorrett.

Ħadd
m’għandu dritt fuq il-ħajja ta’ ħaddieħor. Dan jgħodd għal kulħadd; nisa u rġiel.
Għalhekk l-argument ta’ dawk favur l-abort li l-mara għandha dritt tittermina
l-ħajja tat-tarbija fil-ġuf għaliex din hi parti minn ġisimha hu skorrett. Hu
xi ħaġa nkredibbli u mill-isbaħ li l-mara għandha l-privileġġ li tgħajjjex
lit-tarbija tagħha fil-ġuf għal disa’ xhur sħaħ. Iżda dan il-privileġġ ma jtiha
l-ebda dritt li tittermina din il-ħajja tat-tarbija fil-ġuf għaliex din mhix ħajja
tagħha. Bl-istess mod li missier jew omm m’għandhomx dritt joqtlu lil binhom
meta dan ikun tifel jew adult, hekk ukoll omm m’għandhiex dritt tittermina l-ħajja
ta’ binha fil-ġuf. Tarbija li ma tistax tiddefendi lilha nnfisha.

Hawn
min jargumenta li f’dak l-istadju t-tarbija fil-ġuf ma tkunx żviluppat kollha u
allura mhix bniedem. Bla dubju li t-tarbija fil-ġuf ma tkunx żviluppat
totalment għaliex il-persuna jkompli jiżviluppa wara. Imma dan hu proċess
naturali għaliex il-bniedem jiżviluppa mal-medda tas-snin u meta jibda jikber.
Il-fatt li fil-ġuf, it-tarbija ma tkunx żviluppata totalment ma jagħti l-ebda
dritt lill-ommijiet li joqtlu lil uliedhom. Il-fatti juru li fil-ġuf it-tarbija
diġà tkun, fiċ-ċokon tagħha, bdiet tiżviluppa lilha nnfisha. Hu propju d-dritt
tal-persuni li jiddeċiedu huma nnfushom fuq ħajjithom li jagħti wkoll
drittijiet lit-tarbija fil-ġuf biex ikollha dawn id-drittijiet u jkollha
d-dritt li tiddeċiedi hi għal ħajjitha.

Bla dubju li r-realtà se tibqa’ waħda li fiha se jkunu tfajliet jew ommijiet li jinqabdu bi tqala li ma jkunux jixtiequ. Is-soluzzjoni għal din is-istwazzjoni mhix l-abort iżda hi għajnuna u assistenza lil dawn il-persuni. L-ommijiet m’għandhomx bżonn l-abort biex ikollhom is-saħħa tagħhom imħarsa. It-tarbija fil-ġuf m’għandhiex tkun maqtula minħabba azzjoni li tkun ħadet l-omm flimkien mas-sieħeb jew raġel tagħha; azzjoni li l-istess tarbija ma jkollha l-ebda responsabbiltà jew kontroll fuqha.

M’għandux ikun aċċettat lanqas li trabi fil-ġuf jinqatlu minħabba li jkunu se jitwieldu b’xi forma ta’ diżabbiltà li tista’ anki tpoġġilhom ħajjtihom f’periklu. F’dinja żviluppata bħal tagħna, is-soċjetà għandha taħseb għal dawn is-sitwazzjonjiet għaliex l-abort mhux soluzzjoni. Hu fatt stabbilit li n-nisa li jwettqu abort jgħaddu minn trawma kbira li tibqa tul ħajjithom kollha. Dan għaliex m’hemmx dubju li kull mara u kull omm tkun tħobb lit-tarbija tagħha. Dan waħdu għandu jwassal biex kull omm tgħid le għall-abort.

Bla
dubju u konvint minn dan, l-ebda omm ma trid lil binha jgħaddi mit-tbatijiet
enormi li tgħaddi t-tarbija fil-ġuf meta fuqha jkun qed jitwettaq l-abort.
Il-filmati fil-media u l-esperjenzi ta’ tobba li wettqu l-abort huma tal-waħx.
Tisma’ waħda wara l-oħra u tikkonviċni lilek innifsek kemm ħadd m’għandu jkun
favur dan il-qtil brutali.

Tħares
lejn l-abort minn fejn tħares, bilfors tieħu pożizzjoni kontrih; kemm b’imħabba
lejn it-tarbija bla vuċi u protezzjoni fil-ġuf kif ukoll b’imħabba lejn l-omm
li tkun qed tħaddanha ġo fiha.

Is-soċjetà Maltija għandha sfida kbira li quddiemha trid tkun b’saħħitha u qawwija. Fuq kollox trid tkun magħquda kontra min ma jpoġġix lill-bniedem fiċ-ċentru tiegħu. Flimkien irridu nikkumbattu; irridu ngħelbu il-ħażen tal-abort; irridu nuru li quddiem l-abort is-soċjetà Maltija hi b’saħħitha.

minn Dione Borg

Kandidat tal-PN għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew

The post Niddefendu l-ħajja tat-tarbija bla leħen fil-ġuf…LE għall-abort appeared first on maltawinds.com.

Original article found on Malta Winds

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here