Home Newsbook ‘Is-soċjetà hi reliġjuża imma ma tafx lil Ġesù’ – l-Isqof ta’ Għawdex

‘Is-soċjetà hi reliġjuża imma ma tafx lil Ġesù’ – l-Isqof ta’ Għawdex

7
0
SHARE
Advertisement

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li s-soċjetà Maltija hija reliġjuża imma li ftit li xejn taf lil Ġesù.

Fi stqarrija, il-Kurja ta’ Għawdex qalet li Mons. Grech qal dan fil-messaġġ tiegħu lis-saċerdoti fi tmiem l-eżerċizzi spiritwali tar-Randan fis-Santwarju Ta’ Pinu fid-9 ta’ Marzu.

Mons. Grech talab lis-saċerdoti biex ipoġġu xbieha tal-Madonna fil-kamra tas-sodda tagħhom. Mons. Grech qal li jixtieq li t-tema prinċipali tar-Randan tkun relatata mal-ittra pastorali għal dan iż-żmien. Mons. Grech spjega li l-qofol tal-ittra huwa l-kliem li Ġesù qal lil Ġwanni mis-salib meta qal “din hi ommok”, b’referenza għal Marija. L-Isqof ta’ Għawdex qal li wieħed għandu jieħu lil Marija d-dar għax hi twassal lin-nies għand Kristu.

Żied jgħid li r-riflessjoni tal-ittra tiffoka fuq “id-dar”. Spjega li dan għaliex fid-dar jinkitbu stejjer sbieħ u oħrajn li jkunu inqas sbieħ. Żied jgħid li qabel ma Ġesù jidħol fid-dar tal-ġebel, irid jidħol fin-nies b’mod personali. Qal li Ġesù u Marija jaslu fid-djar tan-nies jekk is-saċerdoti jkunu preżenti fid-djar tan-nies.

“Tajjeb li aħna nxandru l-bxara t-tajba minn fuq l-artal, imma xejn ma jiżboq dak li ngħidu fil-widnejn u fl-intimità tad-dar,” saħaq Mons. Grech. Mons. Grech qal li s-saċerdoti m’għandhomx soluzzjonijiet tekniċi, ekonomiċi, jew politiċi. Però, qal li s-saċerdoti għandhom il-kelma ta’ Alla.

Fi kliem l-Isqof, il-Knisja fdat lis-saċerdoti bil-formazzjoni tal-kuxjenzi. Qal li s-saċerdoti jistgħu jagħmlu dan l-aktar waqt il-qrar.

The post ‘Is-soċjetà hi reliġjuża imma ma tafx lil Ġesù’ – l-Isqof ta’ Għawdex appeared first on Newsbook.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Newsbook

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here