Home Net News Tintemm l-era dominanti ta’ Real Madrid … umiljati u eliminati fil-Bernabeu minn...

Tintemm l-era dominanti ta’ Real Madrid … umiljati u eliminati fil-Bernabeu minn Ajax

6
0
SHARE
Advertisement

REAL MADRID………. 1 AJAX ………. 4 (Agg: 3-5)

Id-dominanza ta’ Real Madrid fl-Ewropa twaqqfet b’mod uffiċjali hekk kif kienu umiljati u eliminati f’Estadio Santiago Bernabeu b’telfa ta’ 4-1 kontra Ajax li dawret ir-rebħa ta’ 2-1 li l-Ispanjoli kienu għamlu fl-Olanda.

Din it-telfa tkompli tkabbar l-ispekulazzjoni fuq il-kowċ ta’ Real Madrid Santiago Solari hekk kif sofrew it-tielet telfa f’ġimgħa f’darhom u kienu eliminati miż-żewġ kompetizzjonijiet li kienu fihom u maqtugħa mit-taqtigħa għall-kampjonat.

Il-Madrileni ħassew bil-kbir in-nuqqas tal-captain Sergio Ramos li kien sospiż filwaqt li Real Madrid kellhom jagħmlu żewġ bidliet sfurzati minħabba li weġġgħu Lucas Vazquez u Vinicius Junior.

Real Madrid marru viċin li jiftħu l-iskor wara biss ħames minuti bi kross mil-lemin ta’ Lucas Vazquez isib lil Raphael Varane iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu stampat mal-mimduda. Iżda Ajax fetħu l-iskor żewġ minuti wara fi żball difensiv ta’ Real Madrid li wasal minn passaġġ ħażin lura. Dustan Tadic avvanza u tefa’ kross fil-baxx lejn HAKIM ZIYECH li għeleb lil Thibaut Courtois b’xutt mill-ewwel.

L-Olandiżi saħansitra rduppjaw fit-18-il minuta meta reġa’ kien Tadic li ħa vantaġġ minn ftuħ fid-difiża ta’ Real Madrid u qassam fl-ispazju lejn DAVID NERES li kkontrolla, qabeż lil Courtois u xeħet fix-xibka.

Iċ-champions Ewropej dehru mifxula u saħansitra ssugraw li jsofru żewġ gowls oħra l-ewwel b’konklużjoni ta’ Neres li għaddiet barra u ftit wara Courtois salva b’saqajh xutt ta’ Tadic. Bejn dawn iż-żewġ azzjonijiet, Andre Onana salva tajjeb xutt ta’ Lucas Vazquez.

Courtois reġa’ kien fl-azzjoni fil-35 minuta meta ntefa’ mal-art biex salva parzjalment xutt perikoluż ta’ Ziyech. Ftit wara, Nicolas Tagliafico biegħed bir-ras, daqqa ta’ ras li kienet destinata għal ġewwa ta’ Karim Benzema.

Real Madrid laqtu l-lasta għat-tieni darba fit-42 minuta b’xutt tas-sostitut Gareth Bale li stampa mal-wieqfa. Real Madrid ħarġu jfittxu l-gowl fit-tieni taqsima u marru qrib b’xuttijiet ta’ Marco Asensio u Karim Benzema jgħaddu ftit barra.

Iżda l-mument importanti tal-logħba seħħ fit-62 minuta . Kontrattakk mill-aqwa wasal għand DUSAN TADIC li ġibed il-ballun fuq ix-xellug u b’xutt mill-isbaħ u preċiż għeleb lil Courtois. Il-gowl għal mumenti kien kważi tħassar hekk kif fl-azzjoni tal-gowl kien hemm dubju li l-ballun seta’ qabeż il-linja għal throw-in, iżda wara konsultazzjoni mal-VAR, ir-referee Felix Brych ikkonvalida l-gowl f’deċiżjoni diffiċli.

Reazzjoni immedjata tat-tim ta’ Santiago Solari li fis-70 minuta naqqas id-distakk. Sergio Reguilon qassam mix-xellug lejn MARCO ASENSIO li b’xutt preċiż u fil-baxx għar-rokna għeleb lil Onana.

Madankollu żewġ minuti wara Ajax reġgħu skorjaw, bi free-kick minn mal-linja xellugija ta’ LASSE SCHÖNE li qabbeż il-ballun fuq it-tieni lasta u ma ta l-ebda ċans lil Courtois.

Real Madrid setgħu naqqsu d-distakk fit-83 minuta iżda Onana salva x-xutt ta’ Bale, madankollu ftit wara Ziyech seta’ kabbar l-iskor iżda xeħet inkredibbilment għoli mill-viċin. Real saħansitra spiċċaw il-logħba b’għaxar plejers wara li tkeċċa Nacho Fernandez fit-93 minuta.

The post Tintemm l-era dominanti ta’ Real Madrid … umiljati u eliminati fil-Bernabeu minn Ajax appeared first on NETnews.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here