Home TVM (Bil-Malti) Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum

Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum

11
0
SHARE
Advertisement

Ħarsa lejn il-ġurnali tal-lum il-Ħamis 14 ta’ Frar 2019

 

In-Nazzjon

In-Nazzjon, it-titlu “Jinsterqu 13-il miljun ewro” – il-Bank of Valletta fil-mira ta’ hacking. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kkwotat jgħid li l-attakk fuq il-BOV huwa attakk fuq pajjiżna u fuq bank Malti tal-Maltin.

Fi storja oħra, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kkwotat jgħid “Li jkollok saqaf fuq rasek huwa dritt u mhux rigal”. F’diskors f’San Ġwann, Dr Delia ffoka fuq il-problemi soċjali li qed jiddominaw lill-pajjiżna u lill-familji Maltin u Għawdxin. Żied li dawn huma problemi li mhux talli ser jissolvew iżda ser ikomplu jikbru għax il-Gvern deċiż li jkompli jkabbar l-ekonomija billi jkabbar il-popolazzjoni.

Fi storja ritratt, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia jiltaqa’ ma’ Michela Pace, ir-rebbieħa ta’ X Factor Malta.

Times of Malta

Times of Malta jirrapporta li l-lejl li għadda, il-Bank of Valletta ma kienx f’pożizzjoni li jgħid meta l-operazzjonijiet ser jiġu lura għan-normal, wara li hackers ippruvaw jisirqu 13-il miljun ewro aktar kmieni matul il-ġurnata. Kelliem għall-BOV li tkellem mat-Times of Malta wara li tħassret konferenza tal-aħbarjiet fl-aħħar minuta, qal li l-bank ma kienx f’pożizzjoni li jikkommetti ruħu dwar meta l-operazzjonijiet kienu ser jerġgħu lura għan-normal.

Uffiċjali tal-Pulizija ilbieraħ ivvjaġġaw lejn il-kwartieri ġenerali tal-Europol, f’Hague biex jiddiskutu l-iżviluppi dwar il-kwistjoni tat-tonn. Sorsi viċin il-Pulizija qalu li ż-żjara saret biex tintalab l-assistenza, bit-tama li jkun hemm kollaborazzjoni mal-awtoritajiet Spanjoli u biex jaraw l-evidenza bil-għan li tkun faċilita’ l-investigazzjoni.

L-Orizzont

L-Orizzont bit-titlu “Ebda telf ta’ flus fl-attakk fuq il-BOV” hekk kif ilbieraħ eluf ta’ konsumaturi u klijenti tal-Bank of Valletta nħasdu matul il-ġurnata tal-bieraħ, wara li l-akbar bank fil-gżejjer Maltin issosspenda l-operat kollu fosthom l-użu tal-karti ta’ kreditu, l-ATMs u s-servizzi kollha offruti mill-internet. Il-ġurnal jirrapporta li ġew identifikati “tranżizzjonijiet fittizji” b’valur totali ta’ 13-il miljun ewro li saru f’erba’ pajjiżi differenti/ u l-Prim Ministru Joseph Muscat fi stqarrija parlamentari qal li d-depożiti miżmuma “huma siguri”.

Fi storja oħra, il-ġurnal li ħareġ bl-istorja li wasslet għas-sospensjoni tad-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura, qed isostni li t-telefonati li saru bejnha u n-negozjant ewlieni fin-negozju tat-tonn jindikaw fiduċja assoluta bejniethom.

The Malta Independent

The Malta Independent tirrapporta li kelliem għall-Ministeru tal-Ambjent qal li la l-Ministru Jose’ Herrera u lanqas is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri ma ġew ikkuntattajti direttament jew indirettament minn Jose Fuentes. In-negozjant ewlieni fin-negozju tat-tonn jinsab fiċ-ċentru ta’ skandlu dwar it-tonn u li ra d-Direttur Ġenerali tas-Sajd, Andreina Fenech Farrguia, tiġi sospiża.

Fi storja oħra, l-Awtorita’ għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, esprimiet tħassib dwar in-numru ta’ proposti għal żviluppi residenzjali fuq art li hija ‘l barra miż-żona ta’ żvilupp, waqt li kienet qed tirrispondi dwar applikazzjoni partikolari għal appartamenti f’Għawdex.

Fi storja ritratt, bit-titlu “Happy Valentine’s Day” – jidher wieħed minn diversi bejjiegħa li ramaw bil-fjuri fit-toroq. Il-ġurnal jinnota li dawn il-bejjiegħa ssoltu jarmaw biex ibigħu lil min iħalli għall-aħħar, iżda din is-sena ħasbulu kmieni b’uħud kienu diġa’ bdew ibigħu minn nhar it-Tnejn li għadda.

The post Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum appeared first on TVM Maltese.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit TVM (Malti)

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here