Home Newsbook Il-Kardinal Coutts iħeġġeġ lil Pakistan jimita lill-Emirati Għarab

Il-Kardinal Coutts iħeġġeġ lil Pakistan jimita lill-Emirati Għarab

2
0
SHARE
Advertisement

Il-Konferenza dwar il-Fraternità Umana li saret f’Abu Dhabi fil-bidu ta’ dan ix-xahar se tiġġenera mewġa ġdida ta’ armonija u paċi fil-Lvant Nofsani u madwar id-dinja kollha kemm hi.

Din id-dikjarazzjoni għamilha l-Kardinal Joseph Coutts, Arċisqof ta’ Karachi li hu l-President tal-Konferenza Epsikopali tal-Pakistan, f’intervista mal-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES u li kienet rappurtata minn “Zenit. Il-Kardinal kien preżenti f’Abu Dhabi għall-imsemmija konferenza globali.

Fl-intervista tiegħu l-Kardinal qal li “napprezzaw l-isforzi li għamlu l-Papa Franġisku, l-Imam ta’ al-Azhar, tas-Sheikh Ahmed El-Tayeb u t-tmexxija tal-Emirati Għarab Magħquda għall-impenn tagħhom biex iwettqu missjoni ta’ paċi u armonija”.

Ebda reliġjon ma tgħallem mibegħda

Il-Kardinal Coutts osserva li l-imsemmija konferenza kienet importanti ħafna u ħalliet il-frott għax nies ta’ twemmin differenti inġabru flimkien f’post wieħed biex iwasslu messaġġ t’ mħabba, paċi u fraternità skont it-tagħlim tar-reliġjonijiet rispettivi tagħhom u lkoll qablu li ebda reliġjon ma tgħallem il-mibegħda jew li wieħed joqtol f’isem Alla.

Meta rrifera għall-Pakistan, il-Kardinal qal li “ċ-ċittadini fil-Pakistan jistgħu jieħdu l-eżempju tal-Emirati Għarab li din is-sena qed tiċċelebra s-Sena tat-Tolleranza.  L-Emirati huma pajjiż Islamiku li tagħti eżempju ta’ paċi, armonija u tolleranza, u tħares id-drittijiet fundamentali tan-nies kollha li jgħixu fil-pajjiż. Il-Gvern tal-Emirati ta lill-komunitajiet reliġjużi, inkluż lill-Knisja Kattolika, art biex jibnu l-postijiet tat-talb tagħhom.”

Eżempju ta’ paċi u armonija

Mons. Coutts qal li l-Kattidral ta’ San Ġużepp f’Abu Dhabi u l-Moskea ta’ Marija Omm Ġesù inbnew bieb ma’ bieb: eżempju kbir ta’ paċi u armonija fil-pajjiż. Il-Kardinal li l-motto tal-episkopati hu proprju “Armonija” hu mpenjat ħafna biex iġib ‘l quddiem id-djalogu inter-reliġjuż u l-armonija fil-Pakistan.

Fl-intervista temm jgħid li “Grazzi għall-preżenza tal-Papa Franġisku, inkiteb kapitlu ġdid fl-istorja tal-Emirati Għarab Magħquda u tal-Lvant Nofsani li se jagħmel il-messaġġ ta’ fraternità umana u l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ kull individu aktar effettivi. Dan il-messaġġ se jasal għand il-popli kollha tad-dinja u jseddaq il-koeżistenza paċifika.”

The post Il-Kardinal Coutts iħeġġeġ lil Pakistan jimita lill-Emirati Għarab appeared first on Newsbook.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Newsbook

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here