Home Net News Telfa ‘storika’ għall-Gvern Awstraljan waqt il-vot dwar l-immigranti

Telfa ‘storika’ għall-Gvern Awstraljan waqt il-vot dwar l-immigranti

11
0
SHARE
Advertisement

Id-deputati fil-Parlament Awstraljan għaddew abbozz ta’ liġi storika – b’emenda mressqa mill-Oppożizzjoni – biex, ‘il quddiem, isir aktar faċli biex ir-refuġjati morda li qed jinżammu fit-territorji offshore jiddaħħlu l-Awstralja għal trattament.

Din hi l-ewwel darba f’għexieren ta’ snin li Gvern Awstraljan tilef vot dwar il-leġislazzjoni tiegħu stess fil-kamra t’isfel tal-Parlament, bir-riżultat jitqies bħala daqqa ta’ ħarta għall-politika dwar l-immigrazzjoni li qed jippromwovi l-Gvern ta’ minoranza mmexxi mill-Prim Ministru Scott Morrison.

L-Awstralja ilha mill-2013 tibgħat lir-refuġjati li qegħdin ifittxu l-kenn politiku u li jkunu waslu bid-dgħajjes sa ftit ‘il hinn minn artha lejn ċentri ta’ detenzjoni fuq il-gżira ta’ Nauru u f’Papua New Guinea. Il-kritiċi jgħidu li din il-politika qed titmexxa b’detriment għar-refuġjati u b’mod partikulari t-tfal fosthom. It-tobba, intant, ilhom iwissu dwar faċilitajiet mediċi inadekwati fl-artijiet fejn qed jinżammu r-refuġjati, bin-Nazzjonijiet Uniti tfisser il-kundizzjonijiet fil-kampijiet tar-refuġjati bħala ‘inumani’.

L-Awstralja ilha tiddefendi l-politika tad-detenzjoni offshore bl-argument li din il-politika qed ‘tevita l-imwiet fuq il-baħar’ minbarra li tostakola t-traffikar tal-bnedmin.

Sadanittant, l-abbozz partikulari għadda b’vot wieħed biss fil-Kamra tar-Rappreżentanti wara li l-Oppożizzjoni Laburista u numru ta’ deputati mill-partiti rappreżentati fl-assemblea qablu dwar emendi tal-aħħar minuta.

L-abbozz mistenni jgħaddi mingħajr problemi mis-Senat ta’ Canberra aktar ‘il quddiem din il-ġimgħa u fejn jidħol fis-seħħ bħala liġi.

Fl-istess ħin hu fattur sinifikanti ħafna li l-Gvern Awstraljan kellu jitlef vot importanti fil-kamra t’isfel tal-Parlament, meta din ilha ma ssir għal madwar 80 sena. Dan meta l-Awstralja qed tħejji għall-elezzjoni federali li mistennija ssir aktar tard din is-sena.

Id-disfatta hi wkoll waħda personali għal Morrison li hu l-ħames Prim Ministru Awstraljan f’sitt snin iżda hu, jiem ilu, kien warrab għall-possibbiltà ta’ elezzjoni nazzjonali ‘immedjata u bikrija’ fejn għamilha ċara li ‘ma kienx se jsejjaħ waħda ( elezzjoni) anki f’każ fejn hu kellu joħroġ tellief fil-vot dwar l-abbozz.’

The post Telfa ‘storika’ għall-Gvern Awstraljan waqt il-vot dwar l-immigranti appeared first on NETnews.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here