Home Net News Stati Uniti: Potenzjal għal ‘shutdown’ ieħor fost stennija għal aktar taħditiet

Stati Uniti: Potenzjal għal ‘shutdown’ ieħor fost stennija għal aktar taħditiet

9
0
SHARE
Advertisement

It-taħditiet dwar ftehim għas-sigurtà mal-fruntiera li kienu qed isiru fil-Kungress ta’ Washington staġnaw fost il-prospetti ta’ shutdown ieħor għall-Gvern. Dan wara l-aħħar paraliżi għall-amministrazzjoni li damet għal 35 jum u li kienet l-itwal sitwazzjoni ta’ dan it-tip fl-istorja tal-Istati Uniti.

Intant, in-negozjaturi kienu qed jittamaw xorta fi ftehim bil-għan li l-Kungress ikollu żmien biżżejjed biex jgħaddi l-leġislazzjoni sa nhar il-Ġimgħa – il-jum meta jiskadi l-ftehim (attwali) għall-finanzjament federali.

Madankollu, fadal xorta d-diżgwid dwar kemm jistgħu jinżammu immigranti mingħajr dokumentazzjoni, fost id-differenzi kontinwi dwar il-‘ħajt’ li l-President Amerikan Donald Trump irid li jinbena mal-fruntiera tal-Messiku. Fl-istess ħin, mhux ċar kif in-negozjaturi jistgħu jippruvaw iwasslu għal ftehim, fost l-istennija għal aktar taħditiet fis-sigħat li jmiss.

Is-17-il negozjatur Repubblikani u Demokratiċi – membri tas-Senat u l-Kamra tar-Rappreżentanti – ilhom jiddiskutu ftehim dwar is-sigurtà mal-fruntiera li l-Kungress jista’ jaċċetta.

Waqt ix-shutdown tal-Gvern preċedenti, mijiet ta’ eluf ta’ ħaddiema spiċċaw fi speċi ta’ ‘limbu’ waqt li ħaddiema mas-servizzi essenzjali bħall-kura tas-saħħa, il-kontroll tat-traffiku tal-ajru u l-infurzar tal-liġi kellhom jaqdu d-doveri rispettivi mingħajr paga.

L-ispiża ta’ din is-sitwazzjoni għall-ekonomija tal-Istati Uniti kienet stmata madwar il-$11-il biljuni.

Sadanittant, l-aħħar staġnar jidher li għandu x’jaqasam mal-insistenza, min-naħa tad-Demokratiċi, biex ikun limitat l-ammont tal-immigranti mingħajr dokumentazzjoni li qegħdin jgħixu diġà fl-Istati Uniti u li jistgħu jinżammu mill-aġenti tal-Immigrazzjoni u Infurzar tar-Regoli Doganali.

Min-naħa tiegħu, il-President Trump qal li d-Demokratiċi msieħba fil-Border Committee ‘mhumiex qed jitħallew jaslu għal ftehim mill-kapijiet tal-partit tagħhom stess’.

The post Stati Uniti: Potenzjal għal ‘shutdown’ ieħor fost stennija għal aktar taħditiet appeared first on NETnews.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here