Home Newsbook Il-Ġustizzja hi għas-servizz tal-ġid komuni

Il-Ġustizzja hi għas-servizz tal-ġid komuni

11
0
SHARE
Advertisement

Il-ġustizzja hi virtù kardinali għax turi “id-direzzjoni t-tajba” u mingħajr ġusizzja il-ħajja soċjali tiba ġġamjata. Hekk qal Papa Franġisku meta nhar is-Sibt filgħodu ltaqa’ ma’ rappreżentanti tal-ġudikatura Taljana fl-okkażżjoni tal-110 anniversarju mit-twaqqif tal-assoċjazzjoni tagħhom.

Rapport tal-aġenzija tal-aħbarijiet tal-Vatikan jgħid li l-Papa kellem lill-ġudikanti dwar l-imprtanza tal-ġustizzja għall-ġid tas-soċjetà u biex fiha jkun hemm bilanċ fiż-żminijiet imqallba li għaddejin minnhom.

Il-promozzjoni tal-valuri kostituzzjonali, is-sorveljanza fuq ir-regoli tad-demokrazija u servizz għall-ġid komuni, huma xogħolijiet importanti li jridu jagħmlu l-Imħallfin li huma interlokuturi priviliġġjati għall-korp leġislattiv u għall-Istat għax tagħtihom għarfien tal-ħajja taċ-ċittadini u l-problemi tagħhom.

Ir-realtà, il-verità vs l-idea

Papa Franġisku tkellem ukoll dwar it-taqbida bejn ir-realtà u l-idea. Filwaqt li r-realtà hi dik li hi, l-idea tista’ tkun manipulata. F’dinja mgħarrqa fl-informazzjoni fejn il-verità tkun spiss falsifikata “intom tridu tkunu l-ewwel nies li taffermaw is-supremazija tar-realtà fuq l-idea,” qalilhom il-Papa.

Meta tkellem dwar lakuni leġislattivi bejn il-verità u l-ideat li jkunu manipulati, il-Papa semma diversi kwestjonijet bħal dik meta tibda u meta tintemm il-ħajja, il-liġijiet tal-familja kif ukoll ir-realtà kumplessa tal-imigranti.

Meta l-ġustizzja trid tippronunzja ruħha fuq dawn il-kwestjonijiet, l-Imħallef irid jerfa’ r-responsabbiltà li tmur ‘l hinn midi-doveri normali tiegħu, qal il-Papa.

Dan jitlob li l-ġudikant iżomm ruħu kontinwament aġġornat biex ikun jista’ jifhem aħjar it-taqlib fis-soċjetà u jkun kapaċi jimplimenta interpretazzjoni għaqlija tal-liġi li dejjem tevolvi. Għalhekk hu fundamentali li l-ġudikatura tkun indipendenti biex tkun kapaċi tirreżisti l-pressjoni jew is-solleċitament li jsiru bl-iskop li jinfluwenzaw l-amministrazzjoni tal-ġustizzja.

Il-ġustizzja tirrispetta d-dinjità umana

Il-Papa qal li meta niddispensaw il-ġustizzja, inkunu qed immissu “il-ħajja” tal-poplu u ta’ dawk l-aktar vulnerabbli. Verdett tal-Qorti jista’ jġib serħan jew konsolazzjoni imma jista’ jkoll iweġġà jew jiddiskrimina.

Għalhekk, meta qed jamministra l-ġustizzja, il-ġudikant dejjem għandu jfittex ir-rispett tad-dinjità ta’ kull persuna “b’ħarsa ta’ tjubija”, kważi bi ħniena, li tivvantaġġja t-tfittxija għall-verità b’mod aktar awtentiku.

Fl-aħħarnett il-Papa fakkar lill-ġudikanti li huma mhux sempliċement uffiċjali pubbliċi. Huma wkoll mudell għaċ-ċittadini kollha u speċjalment għaż-żgħażagħ.

The post Il-Ġustizzja hi għas-servizz tal-ġid komuni appeared first on Newsbook.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Newsbook

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here