Home Net News Gudja fit-tieni post tal-Ewwel Diviżjoni wara li Żebbuġ umiljaw lil Santa Lucia

Gudja fit-tieni post tal-Ewwel Diviżjoni wara li Żebbuġ umiljaw lil Santa Lucia

5
0
SHARE
Advertisement

SANTA LUCIA …………….. 0   ŻEBBUĠ R. ……………….. 4

Santa Lucia: R. Caruana, M. Caruana, J. Usaga Mendoza (L. Mosquera Segura 83’), P. Lapira, N. Micallef, J. Suda, P. Teixeira Maia (M. Guillari 69’), K. Pulo, Y. Handa (K. Ante Rosero 46’), L. Galea, D. Vukovic.

Żebbuġ: J. Borg, D. Fava, S. Schembri, R. Vella, H. Vella, S. Buhagiar, B. Muscat, R. Dos Santos, J. Caetano Da Silva (R. Micallef 85’), J. Farrugia, G. De Sousa Braga.

Referee: Fyodor Zammit

Żebbuġ Rangers kisbu l-ewwel rebħa wara nuqqas ta’ tmien logħbiet meta b’wirja verament tajba ġabu fix-xejn lil Santa Lucia li b’hekk sofrew it-tieni telfa konsekuttiva tal-istaġun. Santa Lucia mingħajr dubju li għandhom il-problemi fejn hu evidenti li wara t-tluq ta’ Paiber li ngħaqad ma’ Floriana, it-tim tilef il-bilanċ tattiku tiegħu u jidher tim mingħajr ideat u identità.

Għal Żebbuġ punti prezzjużi li jgħolluhom xi ftit fil-klassifika anki jekk għadhom fiż-żona perikoluża. Żebbuġ iżda kienu impressjonanti lbieraħ speċjalment il-plejer Gregori De Souza Braga u Thiago Rodrigo Dos Santos li kienu verament f’vena mill-aqwa. Il-logħba kienet ekwilibrata fl-ewwel taqsima bit-tim ta’ Santa Lucia jkollu xi ftit iktar inizjattiva iżda Żebbuġ dejjem kienu perikolużi kull x’ħin kellhom il-pussess tal-ballun.

L-ewwel tentattiv kien ta’ Suda li minn qagħda angolata spara ftit għoli. Fit-28 minuta Żebbuġ ferm viċin li jiftħu l-iskor meta minn azzjoni ta’ free-kick il-ballun wasal f’saqajn Hubert Vella li kien kompletament żmarkat u x-xutt bomba tiegħu stampa mal-mimduda. Tliet minuti wara tentattiv minn barra l-kaxxa ta’ Neil Micallef, bil-gowlkiper ta’ Żebbuġ Borg isalva tajjeb.

Fis-37 minuta Żebbuġ fetħu l-iskor. Azzjoni irreżistibbli ta’ Gregori De Souza Braga li ħalla lil kulħadd warajh fejn daħal fil-kaxxa u twaqqa’ mill-gowlkiper Caruana għal penalty indiskutibbli. Mill-11-il metru CAETANO DA SILVA ma żbaljax.

Tliet minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima azzjoni oħra ta’ De Souza Braga li qabeż diversi plejers bix-xutt finali tiegħu jaħbat ma’ sieq il-lasta. Minuta wara Żebbuġ irduppjaw meta minn azzjoni ta’ korner kien DION FAVA li b’xutt sabiħ bid-dawra sab ir-rokna tax-xibka.

Santa Lucia kienu issa għal kollox demoralizzati u mas-siegħa logħob Żebbug skorjaw it-tielet gowl meta minn azzjoni ta’ korner id-daqqa ta’ ras ta’ Caetano Da Silva kienet salvata minn fuq il-linja u mir-rebound RANDALL VELLA xeħet fix-xibka b’daqqa ta’ ras. Fis-70 minuta Żebbuġ għamluhom erbgħa meta THIAGO RODRIGO DOS SANTOS għeleb lil Caruana b’xutt fil-baxx.

Gudja fit-tieni post wara prestazzjoni mill-aqwa

VITTORIOSA S. …………… 2   GUDJA U. …………………. 5

Vittoriosa: C. Cassar, C. Spiteri (D. Tabone 25’), I. Curmi (K. Degiorgio 68’), J. Ogunnupe, A. Cilia Mumford (D. Pisani 59’), J. Briffa, D. Zampa, P. Papadakis, N. Ojuola, L. Casha, T. Abela Wilson.

Gudja: J. Debono, L. Martinelli, J. Bondin, J. Da Lima Siqueira, F. Aboulezz, L.J. Schembri (A. Mizzi 70’), J. Farrugia, L. Cremona (M. Bonnici 81’), E. Vella, D. Santos Da Hora (L. Micallef 77’), R. Kooh Sohna.

Referee: Paul Toledo

Gudja approfittaw miż-żelqa ta’ Santa Lucia biex b’wirja kbira għelbu faċilment lil Vittoriosa u telgħu waħedhom fit-tieni post tal-klassifika. L-iskor jitkellem waħdu, Gudja kienu għal kollox superjuri b’Santos Da Hora jkollu wirja mill-aqwa.

Gudja fetħu l-iskor fl-ewwel azzjoni tagħhom fit-13-il minuta meta minn azzjoni ta’ korner kien hemm taħwida quddiem il-lasta fejn finalment kien DHONATAN SANTOS DA HORA li xeħet fix-xibka. Fit-32 minuta Gudja viċin it-tieni gowl meta minn kross ta’ Bondin kien hemm id-daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Santos Da Hora li kienet imblukkata minn Cassar.

Minuta wara Gudja għamluhom tnejn meta f’azzjoni veloċi ta’ kontrattakk Kooh Sohna qassam lejn LEE JOE SCHEMBRI li dar mal-goalkeeper qabel xeħet f’lasta vojta. Fil-45 minuta Vittoriosa reġgħu daħlu fil-logħba meta l-ballun deher jaħbat ma’ id plejer ta’ Gudja, bir-referee jordna l-penalty li minn JOSEPH OGUNNUPE ma żbaljax.

Ħames minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Gudja ferm viċin it-tielet gowl meta Santos Da Hora qabeż anki l-gowlkiper iżda x-xutt tiegħu kien maqlugħ minn fuq il-linja minn Ojuola. Fit-63 minuta Gudja kabbru l-vantaġġ meta minn azzjoni ta’ korner kien hemm id-daqqa ta’ Kooh Sohna bil-ballun jasal għand JONATHAN BONDIN li mill-viċin kompla għal ġewwa.

Żewġ minuti wara Gudja aċċertaw mir-rebħa bir-raba’ gowl. Gowl tajjeb mibdi minn azzjoni bejn Da Hora u Martinelli fuq il-lemin li qassam lejn FIRAS ABOULEZZ li żamm il-ballun tajjeb b’sidru u b’xutt preċiż fil-baxx għeleb lil Cassar.

Gudja ma waqfux hawn u fis-76 minuta kien RAPHAEL KOOH SOHNA li minn qagħda tajba iżda ftit angolata spara fir-rokna tax-xibka. Fid-89 minuta it-tieni penalty għal Vittoriosa għal fawl fuq Ogunnupe u l-istess OGUNNUPE spara fix-xibka.

Klassifika wara s-16-il ġurnata: Sirens 39 punt, Gudja U.  32 punt, Santa Lucia  30 punt, Naxxar L. 26 punt, Lija A. 25 punt, Żejtun C. 23 punt, Swieqi U. 23 punt, Pembroke A. 20 punt, Vittoriosa S. 19-il punt, Żebbuġ R. 18-il punt, Qrendi 17-il punt , Mqabba 16-il punt , San Ġwann 13-il punt, Marsa 5 punti

The post Gudja fit-tieni post tal-Ewwel Diviżjoni wara li Żebbuġ umiljaw lil Santa Lucia appeared first on NETnews.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here