Home Net News Bil-kejl tiegħu stess il-Gvern qed ifalli milli jindirizza bis-serjetà l-ammont ta’ studenti...

Bil-kejl tiegħu stess il-Gvern qed ifalli milli jindirizza bis-serjetà l-ammont ta’ studenti li jkomplux jistudjaw

2
0
SHARE
Advertisement

Il-Gvern Laburista qiegħed ifalli milli jindirizza bis-serjetà l-ammont ta’ studenti li mhux qed ikomplu bl-istudji tagħhom.

Iddikjara dan il-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni u l-Ħiliet għas-Seklu 21 Clyde Puli, li fakkar kif qabel l-2013, il-Partit Laburista kien jitkellem ħafna dwar l-early school leavers u kienu jużawh bħala indikatur biex ikejlu l-progress li kien qed jagħmel il-pajjiż fl-edukazzjoni.

Il-verità hi li mill-2004 sal-2014 kien qed isir titjib sostanzjali, iżda mill-2014 sal-lum pajjiżna ma ra l-ebda forma ta’ titjib. Dan ifisser li imqar bil-kejl tieghu stess il-Gvern Laburista mhu juri ebda titjib fil-qasam tal-edukazzjoni f’pajjizna, u minflok qed joħloq kriżi fl-edukazzjoni.

Minkejja l-wegħda li se nkunu l-aqwa fl-Ewropa, wara sitt snin ta’ Gvern Laburista fl-edukazzjoni pajjiżna jinsab ma’ tal-aħħar minħabba nuqqas ta’ ippjanar. L-early school leavers hi ta’ problema għal pajjiżna hekk kif dawn l-istudenti ma jkunux jistgħu jaspiraw għall-aqwa impjiegi b’paga tajba, u sfortunatament jispiċċaw fil-morsa tal-pagi baxxi jew saħansitra fiċ-cheap labour, li ħoloq il-Gvern stess bil-politika tiegħu li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni minflok bil-produzzjoni.

L-istatistika turi li wiehed minn kull tlett studenti li twieldu fl-2002 qegħdin fir-riskju li jingħaqdu ma’ dawk l-istudenti li jitilqu kmieni mill-iskola. Dan joħroġ minn rapport pubblikat mill-MATSEC hekk kif dawn naqsu milli jgħaddu minn 5 suġġetti tas-SEC. Filwaqt li fih innifsu dan ir-rapport huwa inkwetanti, dan mhux l-ewwel rapport ippubblikat fl-aħħar xhur li juri kif il-Gvern qed ifalli milli jindirizza b’serjetà l-ammont tal-istudenti li mhux qed ikomplu bl-istudji tagħhom. F’Ottubru li għadda, rapport tal-Kummissjoni Ewropea kien wera kif fl-ammont ta’ studenti li jitilqu kmieni mill-edukazzjoni jew it-taħriġ, Malta kienet qiegħda l-aħħar fl-Ewropa bi 18.4%, id-doppju tal-medja Ewropea ta’ 9.6% u ferm ‘il bogħod mill-mira Ewropea ta’ 10%.

Il-Partit Nazzjonalista jrid li kull żagħżugħ u żagħżugħa jirnexxu u jimxu ‘l quddiem biex jilħqu l-milja tagħhom u jkollhom paga tajba li ttejbilhom il-kwalità tal-ħajja. Dan ir-rapport ikompli jżid mal-bosta problemi li qed juri kriżi fil-qasam tal-edukazzjoni fosthom, lezzjonijiet li qegħdin isiru fil-kontejners, nuqqas ta’ sigurtà fl-iskejjel u l-introduzzjoni ta’ suġġetti ġodda mingħajr garanzija li hawn biżżejjed għalliema biex jgħallmu. Hawn bżonn ta’ pjan serju u fit-tul għall-edukazzjoni f’pajjiżna, xi ħaġa li l-Gvern qed jonqos milli jagħmel.

The post Bil-kejl tiegħu stess il-Gvern qed ifalli milli jindirizza bis-serjetà l-ammont ta’ studenti li jkomplux jistudjaw appeared first on NETnews.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here