Home One News “Bdejt nibża li se joqtlu b’daqqa ta’ puncher”- tibda l-kumpilazzjoni tax-xhieda dwar...

“Bdejt nibża li se joqtlu b’daqqa ta’ puncher”- tibda l-kumpilazzjoni tax-xhieda dwar il-ġlieda li nqalgħet fi skola f’Pembroke

8
0
SHARE
Advertisement

Bdiet tinstema x-xhieda dwar il-ġlieda li nqalgħet fi skola f’Pembroke bejn student ta’ 15-il sena u familja ta’ student.


Alexander Camilleri u ħuh Feliciano qed ikunu akkużati wkoll li kkawżaw ġrieħi ħfief fuq l-istudent u żewġ edukaturi, kif ukoll li heddew lill-edukaturi u li użaw kliem mhux xieraq fil-pubbliku.

L-istudent Għarbi ma xehedx minħabba li ma kienx għadu tħadded mal-avukat tiegħu. Huwa mistenni jagħti x-xhieda tiegħu fi stadju aktar avvanzat tal-każ wara li kien imwissi mill-Maġistrat Ian Farrugia biex ma jaħlix aktar ħin u jkun preparat.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Joseph Scerri qalet li aktar tard tul is-smigħ tal-każ, l-istudent se jaffaċċja akkużi li ħebb għal student ieħor fil-Qorti tal-persuni taħt l-età.

Il-Qorti semgħet kif iż-żagħżugħ allegatament ta daqqa ta’ ponn lil student ieħor li huwa minn tal-anqas sentejn iżgħar minnu, b’dan tal-aħħar ikollu jittieħed l-isptar għall-kura.

Assistent Kap tal-iskola fejn seħħet il-ġlieda qalet li hija prattika komuni tal-iskola li f’każ li student iweġġa’ f’rasu jew f’wiċċu, dan għandu jittieħed l-isptar minnufih u l-iskola hija obbligata tinforma lill-ġenituri.

Fix-xhieda tagħha l-Assistent Kap qalet ukoll kif Alexander Camilleri, wieħed mill-akkużati, refagħha u waqqaha mal-art bil-kawża li din kissret parti minn daharha.

Intant, LSE spjega kif ra liż-żewġt irġiel jidħlu l-iskola, u li l-Assistent Kap talbitu jtellahom fl-uffiċċju tas-segretarja.

Huwa qal li wara ftit sema’ xi għajjat u ra lill-Assistent Kap mal-art u mar jgħinha. Spjega kif il-kommossjoni kienet ġejja mill-uffiċċju tas-Segretarja, fejn eventwalment, Alexander Camilleri ta daqqa b’puncher lill-LSE waqt li prova jolqot lil student li kien attakka lil neputih.

Assistent Kap ieħor li xehed qal li huwa kien imqabbad ikellem lill-istudent ta’ 15-il sena fil-preżenza t’ommu wara li attakka student ieħor.

Huwa spjega li tliet irġiel, tnejn minnhom l-akkużati, daħlu jiġru fuq il-vittma jistaqsuh minn ħebb għalih. Kien f’dan il-mument li Alexander Camilleri ħebb għall-istudent u qal li “illum mhux se jkun student iswed ieħor f’din l-iskola”.

Is-segretarja tal-iskola qalet li kienet hi stess li nfurmat lill-Pulizija bl-inċident u li talbet l-għajnuna tagħhom.

“Jiena rajt lill-irġiel jattakkaw student, rajthom jaqbduh minn rasu u jagħtuh bis-sieq. Alexander Camilleri ħadli l-puncher mill-iskrivanija u bdejt nibża li se jużaha biex joqtlu”, qalet is-segretarja.

Il-Maġistrat Farrugia aċċetta t-talba għall-ħelsien mill-arrest bil-kundizzjoni li Feliciano Camilleri jiffirma fl-għassa tal-Pulizija darbtejn f’ġimgħa, iħallas depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €3,000.

Alexander Camilleri inħeles mill-arrest abbażi ta’ depożitu ta’ €2,500  u garanzija personali ta’ €2,500 . Huwa kien ordnat jiffirma l-għassa tal-Pulizija darba f’ġimgħa.

Iż-żewġt irġiel kienu mwissija mill-Maġistrat ma jersqux lejn il-xhieda jew partijiet involuti fil-każ.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit One News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here