Home Net News Milan jitilgħu waħedhom fir-raba’ post

Milan jitilgħu waħedhom fir-raba’ post

16
0
SHARE
Advertisement

Żewġ gowls fit-tieni taqsima għenu lil Milan biex jegħlbu l-isfida ta’ Genoa 2-0 fi Stadio Marassi. B’din ir-rebħa Milan telgħu waħedhom fir-raba’ post tal-klassifika, punt aktar minn Roma u sitt punti anqas minn Inter. Fl-ewwel taqsima, Genoa kellhom diversi okkażjonijiet ta’ skor, b’Gianluigi Donnaruma jiddistingwi ruħu f’numru ta’ tentattivi. Milan tjiebu fit-tieni taqsima u bdew jikkontrollaw aħjar.

Kien fit-72 minuta li r-Rossoneri fetħu l-iskor meta kross fil-baxx għan-nofs ta’ Andrea Conti sab lill-iżmarkat FABIO BORINI li għeleb lil Andrei Radu mill-viċin. Ir-reazzjoni ta’ Genoa kienet immedjata b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ Miguel Veloso jkun salvat minn Donnarumma bl-għajnuna tal-mimduda. Milan għalqu l-logħba fit-83 minuta meta SUSO rċieva ballun fit-tul, baqa’ javvanza u għeleb lil Radu b’xutt bil-lemin.

Fil-logħba l-oħra, Juventus ftit sabu diffikultà biex fl-Allianz Stadium għelbu lil Chievo 3-0. B’hekk Juventus reġgħu jinsabu disa’ punti vantaġġ fil-quċċata fuq Napoli. DOUGLAS COSTA fetaħ l-iskor fl-14-il minuta meta b’azzjoni personali ġibeda għan-nofs, evita diversi difensuri u għeleb lil Stefano Sorrentino b’xutt għar-rokna.

Huma rduppjaw qabel tmiem l-ewwel taqsima bl-Arġentin Paulo Dybala jiftaħ lejn EMRE CAN li kkontrolla u b’xutt fil-baxx għeleb lil Sorrentino. Id-difensur DANIELE RUGANI għalaq il-logħba fit-83 minuta b’daqqa ta’ ras wara kross ta’ Federico Bernardeschi.

The post Milan jitilgħu waħedhom fir-raba’ post appeared first on NETnews.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here