Home Newsbook “Fearne jingħaqad magħna fil-kundanna għall-kuntratt mal-Vitals” – Delia

“Fearne jingħaqad magħna fil-kundanna għall-kuntratt mal-Vitals” – Delia

26
0
SHARE
Advertisement

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia sostna li l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ingħaqad mal-Oppożizzjoni fil-kundanna għall-kuntratt iffirmat bejn il-Gvern u Vitals Global Healthcare dwar tliet sptarijiet Maltin.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet wara dak li qal il-Ministru Fearne mas-sit Lovin’ Malta u wara li kompla s-smigħ tal-kawża fil-Qorti, Delia sostna li l-Ministru Konrad Mizzi ġie kkundannat għal darboħra mill-Viċi Prim Ministru Chris Fearne. Dalgħodu, ma’ Lovin’ Malta Fearne ikkonferma li bħalissa hemm pjanijiet sabiex jiġi irtirat il-ftehim kontroversjali li bih il-kumpanija Technoline akkwistat id-drittijiet tal-akkwist esklussivi tal-Isptar San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Fearne sostna li kemm Steward Health Care, kif ukoll il-Ministru Fearne, sostnew li ma jaqblux ma’ mudell tat-tip u għaldaqstant Steward qed taħdem sabiex imorru lura minn dan il-ftehim.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, Delia sostna li din id-dikjarazzjoni ta’ Fearne hija kundanna oħra fuq il-Ministru Mizzi, u insista li meta ġab lil Steward Malta kien qal li dawn huma “the real thing.”

Delia kompla billi spjega li l-Gvern s-soltu jixtri servizzi permezz ta’ public procurement fejn b’mod trasparenti kulħadd ikun jista’ jagħti l-aħjar prezz. Madanakollu insista li minflok, il-Ministru Mizzi nnegozja biex il-kumpanija Technoline tipprovdi s-servizzi lil dawn it-tliet sptarijiet. Irrefera wkoll għal dak li żvela The Shift News fejn qal li inħolqot struttura li permezz tagħha l-Ministru Mizzi u Vitals Global Healthcare għaddew il-miljuni mill-flus tal-poplu minn kumpanija għall-oħra f’Dubaj.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla jgħid li l-Oppożizzjoni ilha tinsisti li l-ftehim mal-Vitals sar b’mod li jfalli, għaliex it-tliet sptarijiet ingħataw lil xi ħadd li qatt ma kellu esperjenza fis-settur tas-saħħa u li ngħata wkoll il-possibilità li jgħaddi dan il-kuntratt lil ħaddieħor. Semma wkoll kif The Shift News irrappurtat ukoll kif Steward ħallsu €1 għall-ishma tal-Vitals u l-konċessjonijiet fuq it-tliet sptarijiet meta s-sidien tal-Vitals ingħataw il-miljuni minn wara dahar il-poplu.

Il-kawża tal-Vitals fil-Qorti se tingħata l-verdett finali f’Marzu

Fil-Qorti llum ġie deċiż li s-sentenza dwar il-każ tal-Vitals li fetaħ Delia se tingħata f’Marzu li ġej. Din id-deċiżjoni ttieħdet mill-Qorti tal-Appell dwar il-każ li fetaħ Delia kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat, l-Avukat Ġenerali, Vitals Global Health Care u l-Malta Industrial Parks li fih qed jitlob sabiex it-tliet sptarijiet Maltin li ġew privatizzati jingħataw lura lill-pubbliku.

S’issa, Muscat, l-Awtorità tal-Artijiet u l-Avukat Ġenerali appellaw il-każ fejn insistew li issa kien tard wisq li jmorru lura minn dan il-ftehim hekk kif diġà ġie iffirmat. Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, Delia spjega kif filwaqt li l-Qorti ddikjarat li din hija kawża ta’ importanza u interess nazzjonali, il-Gvern ipprova jaħbi l-informazzjoni mingħand in-nies u ma riedx li din il-kawża tinstema’ u li tinġieb l-evidenza fil-Qorti.

Fi stqarrija mill-Partit Nazzjonalista ġie spjegat li waqt is-seduta tal-lum, l-Avukati tal-Gvern u l-Avukat Ġenerali ġabu bosta skużi, fosthom li s-settur tas-saħħa huwa settur sensittiv. Spjega li dan minkejja li l-Qorti kienet diġà iddeċidiet li l-kuntratt li sar bejn il-Gvern u l-Vitals huwa ta’ ‘importanza kbira u nazzjonali’ u għalhekk il-kawża kellha tinstema’.

“Delia messu qal meta se jlaqqa’ l-gruppi parlamentari”

Fi stqarrija l-Partit Laburista sostna li l-Kap tal-Oppożizzjoi messu qal meta se jlaqqa’ l-gruppi parlamentari u mhux jirrepeti l-istess kantaliena li l-PN ilu għadej biha żmien.

The post “Fearne jingħaqad magħna fil-kundanna għall-kuntratt mal-Vitals” – Delia appeared first on Newsbook.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Newsbook

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here