Home One News Tnedija tal-Kampanja Elettorali “Malta Qabel Kollox”

Tnedija tal-Kampanja Elettorali “Malta Qabel Kollox”

4
0
SHARE
Advertisement

“Malta Qabel Kollox” hija t-tema tal-kandidat tal-Partit Laburista għall-Parlament Ewropew Cyrus Engerer, li nieda l-kampanja elettorali tiegħu dalgħodu fix-xatt ta’ Bormla.

F’konferenza tal-aħbarijiet Engerer spjega kif il-Maltin u l-Għawdxin, irrispettivament mill-kulur politiku tagħhom, jemmnu li kull min hu elett f’isem Malta għandu dejjem jaħdem għal Malta Qabel Kollox. “Malta Qabel Kollox mhijiex buzz word. Imma bil-fatti. Bl-ikbar umiltà qed nersaq quddiem in-nies bi track record ta’ Malta Qabel Kollox fi Brussell.

Waqt li Casa, Metsola u Busuttil kienu qed jitkellmu kontra Malta, jiena, u t-tim li kont qed immexxi, ħdimna għal Malta Qabel Kollox fi Brussell,” saħaq Engerer.

Engerer qal li meta l-Prim Ministru talbu jirrapreżentah fi Brussell ħames snin ilu, il-ħsieb kien li Malta jkollha Presidenza ta’ suċċess. “Xogħoli kien li matul is-sentejn ta’ qabel u waqt il-Presidenza norganizza u nlaqqa’ lill-Ministri kollha tal-Gvern u lill-Prim Ministru, mal-Membri Parlametari Ewropej influwenti fil-kumitati differenti tal-Parlament Ewropew. B’kollox għamilna mat-340 laqgħa formali u ħafna oħrajn informali.”

Laqgħat dwar is-setturi kollha li taħdem fuqhom l-UE. Mid-drittijiet tal-konsumatur għall-ambjent. Mill-qasam soċjali u l-pensjonijiet sal-immigrazzjoni. Mill-Ġustizzja u r-Rule of Law sal-fondi Ewropej. Laqgħat li bihom ksibna l-kuntatti tal-aktar MEPs influwenti fil-Parlament Ewropew. Kuntatti li Malta wżat u qed tuża sal-lum fix-xogħol ta’ kuljum. Għaliex fuq kollox, il-Parlament Ewropew huwa bbażat fuq il-kuntatti li jirnexxielek tagħmel. Il-pontijiet li jirnexxielek tibni.

“Il-laqgħat fi Brussell servew ukoll biex stajt nikseb overview b’saħħitha tal-kwistjonijiet u red lines l-aktar importanti għal Malta fuq l-oqsma kollha. Kif ukoll ifformulajna l-argumenti tagħna bħala pajjiż, fuq kull waħda minn dawn l-issues.”

Engerer qal li matul il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE kellu l-privileġġ li jmexxi l-Grupp dwar l-affarijiet ġenerali u l-Futur tal-UE u jservi bħala n-negozjatur bejn il-Kunsill, il-Kumissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew fuq temi sensittivi dwar it-tħaddim tal-UE. Mhuwiex biżżejjed li tmur fil-Parlament Ewropew u tagħmel diskors fuq Malta Qabel Kollox.

Huwa importanti li r-rappreżentanti Maltin ikunu jafu x’inhuma l-aktar argumenti importanti għal Malta u x’tattiċi rridu nużaw biex ninstemaw u nikkonvinċu. Engerer irrefera għal meta kien ikun bil-qiegħda fuq is-siġġu tal-Gvern Malti fil-Parlament Ewropew waqt li ta’ kuljum jara u jisma’ lil David Casa u lil Roberta Metsola jqumu fil-Plenarja u jitkellmu kontra pajjiżna.

Dan ma qatalniex qalbna, iżda tana iktar enerġija biex naħdmu għal Malta Qabel Kollox, qal Engerer.

“Kien għalhekk li meta fil-25 ta’ Mejju tas-sena li għaddiet, sena eżatt qabel l-elezzjoni, l-Prim Ministru Joseph Muscat talabni nagħmel il-pass li jmiss, bla eżitazzjoni għidtlu iva.” “Illum qegħdin uffiċjalment inniedu l-kampanja elettorali. Miniex waħdi, iżda qegħdin grupp ta’ żgħażagħ, ħaddiema u veterani, nisa u rġiel li rridu naraw lil Malta Qabel Kollox fil-Parlament Ewropew.

Għandna 130 –il ġurnata ta’ kampanja elettorali quddiemna, li fiha se niltaqgħu ma’ kemm jista’ jkun Maltin u Għawdxin biex nibqgħu nisimgħu x’inhuma l-aspirazzjonijiet tal-poplu Malti u Għawdxi għall-ħames snin li ġejjin fil-Parlament Ewropew, qal Engerer.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit One News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here