Home One News Ir-“Romantic” ta’ Bruckner għall-ewwel darba mill-MPO

Ir-“Romantic” ta’ Bruckner għall-ewwel darba mill-MPO

2
0
SHARE
Advertisement

 

L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta se tesegwixxi s-Sinfonija Numru 4 ta’ Anton Bruckner għall-ewwel darba f’Malta nhar is-Sibt 26 ta’ Jannar fil-5.00PM.

Fil-kunċert, l-orkestra se tkun taħt id-direzzjoni tad-direttur mużikali Olandiż ta’ oriġini Maltija Lawrence Renes, wara li kien diġà mexxa l-orkestra Maltija fl-“EinHeldenleben” ta’ Strauss is-sena li għaddiet. Ir-rabta ta’ Renes mal-mużika ta’ Bruckner hija magħrufa anke mal-kritiċi – mfaħħar partikolarment wara esekuzzjoni mal-London Philharmonic Orchestra. Il-kunċert f’Malta se jinkludi wkoll lil Emma Bell fil-“Wesendonck Lieder” ta’ Wagner.

Il-konnessjoni bejn iż-żewġ kompożituri hija magħrufa u dokumentata. Fil-fatt meta kien għadu jdoqq fi knisja f’kunvent provinċjali, il-mużika ta’ Wagner ispirat lil Bruckner biex jikkomponi s-sinfoniji. Ironikament, Wagner innifsu kkompona sinfonija waħda biss tul ħajtu, filwaqt li l-fama ta’ Bruckner hija mibnija l-aktar fuq is-sinfoniji tiegħu.

Ir-raba’ sinfonija, l-unika waħda li kien taha isem, hija waħda mill-aktar popolari. L-isem “Romantic” huwa referenza diretta għall-moviment artistiku Ġermaniż ta’ żmienu, era importanti u ewlenija fl-istorja tal-mużika. Dan ix-xogħol jiftaħ b’wieħed mill-aktar solojiet impenjattivi ghall-kornu fir-repertorju orkestrali – melodija li tfakkrek f’sejħa għall-kaċċa.

Dan il-“katidral tal-ħoss”, b’għadd ta’ siltiet fuq ir-ram li xorta jixprunaw l-ispiritwalità, jagħtu eżempju ċar tal-“Bruckner Problem” – il-kontroversja dwar il-ħafna reviżjonijiet li kien jagħmel il-kompożitur. Fil-fatt Bruckner, li kien magħruf għad-dubji li kellu fih innifsu, kien reġa’ ħadem fuq din is-sinfonija darbtejn; bejn is-snin 1878 u 1880, kif ukoll fl-1888.

“Wesendonck Lieder”, li se jkun esegwit ukoll mar-“Romantic”, huwa bbażat fuq grupp ta’ poeżiji miktuba minn Mathilde Wesendonck, li allegatament kienet il-maħbuba tal-kompożitur. Ix-xogħol huwa magħmul minn ħames  siltiet li oriġinarjament inkitbu għall-vuċi u l-pjanu u huma differenti ferm mill-mużika aktar magħrufa u imponenti ta’ Wagner.

Il-biljetti għal dan il-kunċert li se jsir f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi jistgħu jinkisbu minn showshappening.com jew minn Dar il-Mediterran stess.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit One News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here