Home One News Sant’ Elena ta’ Birkirkara se tingħata lura l-glorja li jixirqilha

Sant’ Elena ta’ Birkirkara se tingħata lura l-glorja li jixirqilha

12
0
SHARE
Advertisement

Il-pittura titulari fil-Bażilika ta’ Sant’ Elena f’Birkirkara qed tiġi rrestawrata sabiex terġa’ tingħata l-glorja kollha tagħha.  Din il-pittura hija l-ikbar biċċa xogħol fuq it-tila tal-artist Francesco Zahra.  L-artist wara bosta xogħlijiet artistiċi reliġjużi f’pajjiżna.

Il-proġett ta’ restawr jinsab f’idejn Valentina Lupo u Maria Grazia Zenzani mill-Atelier del Restauro.

Lupo saħqet li wara li tniżżlet l-pittura minn postha f’Ottubru u sar ix-xogħol ta’ dokumentazzjoni, instab li l-pittura kellha ħsara estetika minħabba lega ta’ nugrufun mix-xemgħat li jintużaw fil-knisja u l-verniċ fuq il-kulur li sfar maż-żmien.

Lupo rrakkontat kif it-tindif żvela xi ħaġa interessanti fil-pittura fin-naħa tal-kuruna ta’ Sant’ Elena.

“Sibna li kien hemm xi żoni bil-ġibs, sibna erba’ toqob li ġew stukkjati fiż-żmien, u fuq wara mat-tillar hemm imqabbad qisu bħal injama li qiegħda eżatt wara l-kuruna. Hemmhekk jindika li kien hemm sapport u dawn it-toqob x’aktarx kienu ġew użati biex titpoġġa kuruna ta’ vera. Ħafna drabi kienu jkunu tal-metall, tad-deheb jew tal-fidda, pero s’issa minn dokumentazzjoni li sibna u anke min-nies jiġifieri l-iktar anzjani li hawn Birkirkara, ħadd ma jiftakarha”.

Hija saħqet li wara li l-pittura titnaddaf kollha isir xogħol ta’ konsolidar, qabel il-pittura terġa’ tittella’ f’postha.

Il-propostu Monsinjur Paul Carmel Vella, saħaq li din il-pittura turi l-istorja sħiħa ta’ Sant’ Elena.

Dan hekk kif il-pittura turi lil Sant’ Elena ssib is-salib ta’ Kristu fl-Art Imqaddsa, li bl-għajnuna tat-tifel tagħha l-Imperatur, bniet bażilika fl-istess post.

Monsinjur Paul Carmel Vella saħaq li dan il-proġett kien mistħoqq sabiex jibda x-xogħol biex jiġi protett il-patrimonju kollu li għandha din il-bażilika:

“Il-Bażilika ta’ Sant’ Elena hawnhekk Birkirkara hija eżemplari tal-Barokk, jiena nsejjaħlu Barokk Malti, u allura meta inti għandek knisja bħal din ma jistax li ma jkollokx l-affarijiet li hemm ġo fiha, fosthom il-pittura, ma jkunux qiegħdin ukoll f’posthom”.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit One News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here