Home Net News Milan, Lazio u Juventus jgħaddu mal-aħħar tmienja tal-Coppa Italia

Milan, Lazio u Juventus jgħaddu mal-aħħar tmienja tal-Coppa Italia

2
0
SHARE
Advertisement

Milan, Lazio u Juventus żammew mal-aspettattiva meta saru l-ewwel tliet timijiet li għaddew mal-aħħar tmienja tal-Coppa Italia. L-aktar tim li tħabat kien dak ta’ Milan li fi Stadio Marassi għelbu lil Sampdoria 2-0 wara l-ħin barrani.

Protagonist għat-tim ta’ Gattuso kien iż-żagħżugħ Taljan Patrick Cutrone. Kien fil-102 minuta li Milan marru fil-vantaġġ meta minn kross mil-lemin ta’ Andrea Conti, bis-sostitut PATRICK CUTRONE jidħol tajjeb biex għeleb Rafael mill-viċin. Milan għalqu l-logħba fil-108 minuta meta Hakan Calhanoglu tefa’ ballun fit-tul lejn PATRICK CUTRONE li ħa vantaġġ mill-indeċiżjoni fil-ħarġa ta’ Rafael, u qabbeż tajjeb b’konklużjoni mill-ewwel.

Juventus ftit sabuha diffiċli biex għelbu lil Bologna 2-0 fi Stadio Renato dell’Ara. Il-Bianconeri qed ifittxu li jirbħu din il-kompetizzjoni għall-ħames staġun konsekuttiv.

It-tim ta’ Allegri fetaħ l-iskor wara 10 minuta meta minn ballun fit-tul mil-lemin, il-gowlkiper Andrea da Costa ħareġ mal-linja tal-kaxxa l-kbira biex jiġbor il-ballun u daħal f’Arturo Calabresi. Il-ballun spiċċa għand FEDERICO BERNARDESCHI li kkontrolla l-ballun u skorja b’xutt fil-baxx. Huma għalqu l-logħba fid-49 minuta meta xutt ta’ Douglas Costa kien imxellef u waqa’ quddiem MOISE KEAN li minn quddiem il-lasta ma żbaljax.

Lazio eliminaw lil Novara b’rebħa ta’ 4-1 fi Stadio Olimpico. LUIS ALBERTO fetaħ l-iskor b’xutt fil-baxx mill-kaxxa fil-11-il minuta. Huma rduppjaw fl-20 minuta meta l-penalty ta’ CIRO IMMOBILE kien salvat parzjalment, bl-istess plejer jiskorja mir-rebound.

L-istess CIRO IMMOBILE għalaq il-logħba fil-35 minuta meta skorja f’lasta vojta wara kross fil-baxx mix-xellug ta’ Jordan Lukaku, biex fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, SERGEJ MILINKOVIC-SAVIC għamilhom 4-0 bi free-kick dirett. UMBERTO EUSEPI naqqas id-distakk għal Novara fid-49 minuta minn penalty.

The post Milan, Lazio u Juventus jgħaddu mal-aħħar tmienja tal-Coppa Italia appeared first on NETnews.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here