Home Net News Kundannat rapport dwar Donald Trump bħala ‘aġent tar-Russja’

Kundannat rapport dwar Donald Trump bħala ‘aġent tar-Russja’

6
0
SHARE
Advertisement

Il-White House tal-Istati Uniti kkundanat rapport li deher fin-New York Times u li qal li l-FBI kienet fetħet investigazzjoni dwar jekk il-President Amerikan, Donald Trump, ‘kienx qed jaħdem minn taħt fl-interessi tar-Russja’.

Skont ir-rapport, l-Uffiċjali Amerikani għall-infurzar tal-liġi kienu preokkupati dwar l-aġir ta’ Trump, f’Mejju tal-2017, meta hu kien keċċa lil James Comey minn Direttur tal-FBI, il-bureau federali għas-sigurtà.

In-New York Times qalet li l-investigazzjoni eżaminat jekk Donald Trump kienx, fil-fatt, theddida għas-sigurtà nazzjonali — bis-Segretarju tal-Istampa tal-White House, Sarah Huckabee Sanders, issa, tirreferi għal dan ir-rapport bħala ‘wieħed assurd u bla l-ebda bażi’. Huckabee Sanders qalet ukoll li ‘il-President Trump, kuntrarju għall-eks President Amerikan, Bacark Obama, qiegħed iżomm sod lir-Russja.

Fl-2016, l-aġenziji Amerikani għas-servizzi sigrieti konkludew li r-Russja kienet wettqet attakki ċibernetiċi – minbarra li ċirkolat aħbarijiet fittizji fuq il-media soċjali – bil-għan li tingħata spinta lill-kampanja ta’ Trump għall-Presidenza. Ħsieb ieħor, allegatament, kien li taqa’ lura l-kampanja tal-kandidat rivali tal-Partit Demokratiku, Hillary Clinton.

In-New York Times qalet li l-investigazzjoni mis-servizzi sigrieti Amerikani kienet ‘inkorporata’ fl-investigazzjoni tal-avukat speċjali ( eks Direttur tal-FBI) Robert Mueller dwar l-allegat indħil tar-Russja fl-elezzjoni tal-2016 għall-Presidenza tal-Istati Uniti.

Ir-rapport kompla li s-servizzi sigrieti pruvaw isibu jekk Trump ‘għenx bi ħsieb speċifiku lill-Kremlin ta’ Moska kontra l-interessi tal-Istati Uniti’ inkella jekk il-President Amerikan ‘setax spiċċa taħt l-influwenza ta’ Moska mingħajr ma kien jaf’.

Dan meta l-aspett kriminali, f’dan il-każ, ikkonċerna t-tkeċċija ta’ Comey fuq deċiżjoni ta’ Trump u jekk din l-azzjoni ‘servietx biex ittellef il-ġustizzja’.

The post Kundannat rapport dwar Donald Trump bħala ‘aġent tar-Russja’ appeared first on NETnews.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here