Home Newsbook Filmat: “Il-Knisja f’Malta bħalissa qed tilqa’ 400 immigrant” – Mons Vella

Filmat: “Il-Knisja f’Malta bħalissa qed tilqa’ 400 immigrant” – Mons Vella

19
0
SHARE
Advertisement

Monsinjur Alfred Vella qal li l-Kummissjoni Emigranti bħalissa qed tospita 400 immigrant mifruxin f’diversi djar residenzjali. Fil-programm Newsline fuq RTK, Monsinjur Vella spjega kif biex tipprovdi dawn l-400 sodda, qed tieħu għotja ta’ €400,000 fis-sena.

Dawn id-djar jinsabu f’Ħal Balzan fejn hemm l-ikbar waħda, filwaqt li semma li hemm ukoll tmint idjar fil-Belt Valletta u oħrajn fil-Furjana, fl-Imsida, f’Gwardamanġa, f’San Ġiljan u f’Santa Venera.

“Il-knisja kienet l-ewwel li bdiet tieħu ħsieb l-immigranti”

Fl-intervent tiegħu, Monsinjur Alfred Vella semma kif kienet il-Knisja li qabel kollox u qabel kulħadd bdiet tieħu ħsieb l-immigranti. Argumenta kif kienet il-Knisja li ħadet ir-responsabiltà li tgħinhom l-ewwel pemezz tal-Kummissjoni Emigranti, anke qabel ma Malta kienet firmatarja fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Maqgħuda dwar ir-Refuġjati.

Monsinjur Vella semma kif f’nofs id-disgħinijiet, imbagħad twaqqfet ukoll il-Jesuit Refugee Service.

“Din mhi l-ebda invażjoni Iżlamika”

Monsinjur Vella qal li din mhijiex invażjoni Iżlamika u fakkar kif Kristu qatt ma qal biex ma tgħinx lil dak jew lill-ieħor. Żied jgħid li mhux l-immigranti kollha huma Musulmani iżda li r-reliġjon jew il-kulur tal-ġilda tagħhom m’għandu jbiddel xejn mill-għajnuna lill-bniedem.

Fil-programm Newsline kien hemm mistiedna wkoll il-preżentatur televiżiv Peppi Azzopardi u l-kelliem tal-Alleanza nazzjonali Malcolm Seychell li ddiskutew il-każ tas-Seawatch 3 u l-immigrazzjoni.

“Skema mill-Gvern biex familji Maltin jilqgħu immigrant għal 6 xhur” – Peppi Azzopardi

Peppi Azzopardi qal li l-Gvern għandu jagħmel skema biex immigranti jgħixu ma’ familji Maltin għal sitt xhur. Filwaqt li semma kif huwa stess diversi drabi żamm immigranti f’daru fosthom wieħed għal sena u nofs, qal li l-Maltin għandhom ħafna x’jitgħallmu mill-immigranti.

Peppi Azzopardi sostna li l-Gvern għandu wkoll jorganizza kors li jipprepara lill-famliji Maltin għal din l-esperjenza.

Dwar il-vapur SeaWatch li kellu d-49 immigrant fuqu, Peppi Azzopardi argumenta li kieku fosthom kien hemm xi ħadd b’miljun ewro, Malta kienet mhux biss tiġbru iżda tagħti passaport lilu u lil kull membru tal-familja tiegħu.

“Il-linja ta’ Salvini naqqset l-imwiet fil-Mediterran” – Seychell

Mistieden fil-programm kien hemm ukoll Malcolm Seychell tal-Alleanza Nazzjonali li qal li jaqbel mal-linja iebsa dwar l-immigranti li ħa l-Ministru tal-Intern Taljan Matteo Salvini. Qal li din wasslet għal inqas imwiet ta’ immigranti fil-Mediterran, għax in-numri tagħhom naqsu b’90%.

Dwar il-każ tal-bastiment Seawatch, qal li dawn l-immigranti kellhom jintbagħtu lura lejn il-Libja fejn hemm partijiet siguri. Staqsa fejn qed imorru l-flus tal-UE għall-immigranti, jekk kellha ssir talba għall-kutri.

The post Filmat: “Il-Knisja f’Malta bħalissa qed tilqa’ 400 immigrant” – Mons Vella appeared first on Newsbook.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Newsbook

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here