Home Newsbook Jinġabru l-firem biex jitlaq Delia; kumitati tal-PN mitlubin jappoġjaw lill-kap

Jinġabru l-firem biex jitlaq Delia; kumitati tal-PN mitlubin jappoġjaw lill-kap

5
0
SHARE
Advertisement

Fl-istess waqt li qed iddur petizzjoni b’talba li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista (PN) Adrian Delia jirreżenja, persuni qrib Delia qed jippruvaw jiġbru l-appoġġ għalih minn kumitati sezzjonali tal-PN u minn fost il-fergħat. Din l-attività, favur u kontra Delia, kienet irrappurtata b’mod estensiv fil-midja kif ukoll minn sorsi li għamlu kuntatt ma Newsbook.com.mt.

Skont The Malta Independent, uffiċjal għoli fi ħdan il-PN qed jiċċirkola dikjarazzjoni mal-Membri Parlamentari tal-PN li jopponu lil Delia. Id-dikjarazzjoni tirrikonoxxi li Delia jrid jaffaċċja l-problemi personali li għandu iżda li dawn qed jaffettwaw ix-xogħol tiegħu. Id-dikjarazzjoni titlob lil Delia biex iwarrab minn kap tal-partit. Għalkemm għadha ma tteħditx deċiżjoni dwar xi jsir mid-dikjarazzjoni, qed jinġabru l-firem għaliha.

Skont it-Times of Malta, l-kumitati sezzjonali u l-membri tal-Kunsill Ġenerali tal-PN jinsabu taħt pressjoni minn uffiċjali għolja fi ħdan il-PN biex jiddikjaraw bil-miktub il-lealtà tagħhom lejn Delia. Il-kumitati sezzjonali tal-PN intalbu mill-kwartieri ġenerali tal-PN biex ikollhom laqgħat urġenti li fihom tiġi approvata mozzjoni ta’ kunfidenza mill-membri kollha. Skont il-ġurnal, dawn il-laqgħat qed jattendu għalihom nies qrib Delia biex jaraw li dawk preżenti jimxu mad-direttiva li ngħataw.

It-Times of Malta rrapporta wkoll li nies mid-Dar Ċentrali qed iċemplu lill-membri tal-Kunsill Ġenerali biex jistaqsuhom jekk jaqblux li Delia għandu jkompli jmexxi l-partit.

Dak li ġie rrapportat miż-żewġ gazzetti ġie ivverifikat indipendentament minn Newsbook.com.mt. Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook bil-kundizzjoni ta’ kunfidenzjalità assoluta qalu li nies qrib Delia qed jattendu laqgħat tal-kummitati sezzjoniali u, f’xi każi, saħansitra ddettawlhom jew tawhom abbozz dettaljat tal-istqarrija li riedu minn għandhom. L-istess sorsi qalu li kien hemm saħansitra każi fejn dawn id-dikjarazzjonijet ħarġu b’mod ‘unanimu’ iżda kien hemm membri tal-kumitati sezzjonali li ma kienux intalbu jattendu għal-laqgħa, wisq anqas approvaw id-dikjarazzjoni. Kien hemm membri li stqarrew li ħassewhom intimidati mill-preżenza tal-uffiċjali tal-partit u għalhekk ma ħassewhomx ħielsa li jikkummentaw u jirreaġixxu għad-dokument propost b’mod veritier.

Delia bħalissa jinsab taħt pressjoni wara li ħarġu allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu ta’ vjolenza domestika. Numru ta’ filmati li qed iduru dwaru fuq WhatsApp mhux qed jagħmlu l-pożizzjoni tiegħu aktar faċli.

Nhar it-Tnejn li għadda, Adrian Delia qal li min mhux wara l-kap, mhux postu fil-partit. Delia qal li ma jaħsibx li bħalissa l-problema tal-PN huwa hu nnifsu. Dwar il-messaġġi u filmati li qed iduru fuq WhatsApp dwaru, Delia qal li jaħseb li min qed ixerred dawn il-messaġġi qed jipprova jdgħajjef lill-PN u mhux qed jagħmel ġid għal pajjiż.

Dakinhar ukoll, il-President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN Mark Anthony Sammut qal li s-sitwazzjoni preżenti fil-partit tqanqal tħassib u ilu li talab lis-Segretarju Ġenerali tal-PN għal laqgħa. Il-Membru Parlamentari u President tal-Kumitat Amministrattiv tal-PN David Stellini qal li hemm bżonn laqgħa urġenti.

Il-ġimgħa l-oħra d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li hemm bżonn li wieħed iħalli l-istituzzjonijiet jinvestigaw l-allegazzjonijiet ta’ vjolenza domestika li hemm fil-konfront tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.

Adrian Delia bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista m’għandux futur, jekk b’futur wieħed jifhem rebħa elettorali, skont l-opinjonista Ranier Fsadni.

Delia qal li l-2019, is-sena li għadha qed tibda, se tkun sena li “Adrian Delia se jgħddi minn ġon-nar u joħroġ aktar b’saħħtu”.

The post Jinġabru l-firem biex jitlaq Delia; kumitati tal-PN mitlubin jappoġjaw lill-kap appeared first on Newsbook.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Newsbook

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here