Home Newsbook “Il-ġid ma jiswiex jekk ikun hemm persuni mċaħħda mid-dinjità”

“Il-ġid ma jiswiex jekk ikun hemm persuni mċaħħda mid-dinjità”

9
0
SHARE
Advertisement

Il-President Marie-Louise Coleiro Preca saħqet li l-ġid u t-tkabbir ekonomiku ma jiswew xejn sakemm ikun hemm persuni mċaħħda mid-dinjità umana tagħhom.

Coleiro Preca qalet dan meta laqgħet fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta, lill-ambaxxaturi u lill-konsli onorarji għal Malta, għall-għoti tradizzjonali tal-awguri għas-sena l-ġdida.

Filwaqt li rrikonoxxiet l-intervent ta’ Malta u l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea fil-każ tad-49 persuna fosthom sitt itfal abbord żewġ vapuri ta’ għaqdiet mhux governattivi, il-President staqsiet: “Kif stajna aħna bħala pajjiżi Ewropej ta’ rieda tajba nippermettu tbatija psikoloġika, fiżika, u emozzjonali ta’ dawn il-persuni innoċenti ssir għal tant tul ta’ żmien?” Fakkret li dawn it-tfal, nisa u rġiel vulnerabbli qed jaħarbu minn diversi sitwazzjonijiet ta’ diffikultà: mill-gwerer; mill-faqar estrem; mill-persekuzzjoni u mill-abbuż u mill-effetti ta’ degradazzjoni ambjentali.

Filmat: Wara 19-il jum jiddaħħlu Malta

DOI – Clifton Fenech

“Irrispettaw id-drittijiet umani fundamentali, mhux b’mod ad hoc”

Il-President appellat lill-ambaxxaturi u lill-kummissarji għolja biex jenfasizzaw li d-dinjità umana tkun fiċ-ċentru tal-ħidma tagħhom. Saħqet li l-fenomenu tal-migrazzjoni jrid jiġi ffaċċjat b’mod kollettiv bi qsim tar-responsabbiltajiet bejn l-istati membri tal-UE b’mod dinjituż, li jirrispetta d-drittijiet umani fundamentali u mhux b’mod ad hoc.

Ħeġġet lill-istati membri tal-Unjoni Ewropea biex “iżommu l-ideali tas-solidarjetà u tar-rieda tajba li fuqhom kienet stabbilita l-Unjoni għexieren ta’ snin ilu”.

DOI – Clifton Fenech

Dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li ġejjin, il-President qalet li dawn se joħolqu opportunità għall-Ewropej biex juru x’tip ta’ istituzzjonijiet jixtiequ. Semmiet dak li kienet qalet fid-diskors ta’ Jum ir-Repubblika, meta tenniet li fid-dinja tal-lum qed naraw ir-riżultat ta’ dak li jiġri meta l-gvernijiet jabbandunaw il-kuntratt soċjali favur profitti eċċessivi.

Irreferiet għall-istatistika li tgħid li wieħed minn kull erba’ persuni fl-Ewropa jgħixu fil-faqar.

“L-immigrazzjoni se tibqa’ problema għas-snin li ġejjin” – Muscat

DOI – Jeremy Wonnacott

Min-naħa tiegħu, f’okkażjoni separata mal-istess uffiċjali għolja, il-Prim Ministru Joseph Muscat insista li l-2018 ma kinitx eċċezzjoni għal Malta f’dak relatat mal-progress u s-suċċess straordinarju.

Irrefera għal-laqgħa li kellu lbieraħ mal-Prim Ministru Libjan, u qal li Libja stabbli mhix biss importanti għal-Libjani, imma  anke stabbilità fir-reġjun. Semma kif din l-istabbiltà tista’ tfisser soluzzjoni aktar fit-tul dwar l-immigrazzjoni.

Dr Muscat semma kif l-aħħar jiem urew kif is-saga tal-immigrazzjoni qed tkompli tiddomina.  Qal li s-sitwazzjoni rriżultat mid-dgħajjes tal-NGOs li jinterċettaw l-immigranti fl-ibħra Libjani u jbaħħru lejn Malta minflok fl-eqreb port sigur.

DOI – Jeremy Wonnacott

Faħħar l-intervent deċiżiv tal-Kummissjoni Ewropea li fi kliemu wriet li fehmet is-sitwazzjoni ta’ Malta u ħadet azzjoni biex issib soluzzjoni. Irringrazzja wkoll lit-tmien stati membri li se jkunu qed jirċievu xi immigranti minn dawk li daħlu Malta.

“Is-soluzzjoni tal-bieraħ mhix finali”

Joseph Muscat saħaq iżda, li s-soluzzjoni tal-bieraħ ma kinitx finali għax l-immigrazzjoni se tibqa’ problema għall-Ewropa fil-ġimgħat, fix-xhur u fis-snin li ġejjin.

DOI – Jason Borg

Tkellem ukoll dwar Brexit u d-diqa għal Malta u l-Unjoni Ewropea kollha li tara sieħeb importanti jħalliha. Madanakollu insista li l-Gvern iħares ‘il quddiem għal relazzjoni f’saħħitha mar-Renju Unit. Stqarr li jħossu kunfidenti li d-drittijiet taċ-ċittadini Maltin fir-Renju Unit se jkunu protetti.

Il-Prim Ministru temm jirrimarka li Malta bħalissa qed tgawdi minn żmien ta’ prosperità u tkabbir ekonomiku robust. Fisser kif Malta fl-2018 se tibqa’ mfakkra fost l-oħrajn għat-tkabbir ekonomiku, għal inizjattivi ta’ kuxjenza soċjali, għad-drittijiet ċivili u għas-Summit tal-Blockchain.

“Irridu nħarsu l-interess nazzjonali kif ukoll il-ħajjiet tan-nies” – Delia

PN

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-messaġġ tal-PN, Soċjetà li jimpurtaha, ifisser li għandu jitħares l-interess nazzjonali, is-sovranità u l-interessi ekonomiċi. Saħaq li għandna mhux biss inħarsu l-interessi nazzjonali iżda wkoll il-ħajja umana b’rispett lejn il-liġijiet internazzjonali.

Irrefera wkoll għall-Brexit, li ddeskriviha bħala realtà ġdida li se ġġib magħha sfidi u opportunitajiet ġodda.

Il-Kap Nazzjonalista qal li l-politiċi għandhom id-dmir li jifhmu dawn iċ-ċirkostanzi u r-realtajiet ġodda li qed jaffetwaw lin-nies.

The post “Il-ġid ma jiswiex jekk ikun hemm persuni mċaħħda mid-dinjità” appeared first on Newsbook.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Newsbook

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here