Home One News 175 karozza tqabbdu apposta – jinstabu traċċi ta’ kimika fihom

175 karozza tqabbdu apposta – jinstabu traċċi ta’ kimika fihom

4
0
SHARE
Advertisement

Fl-aħħar tliet snin inħarqu 452 karozza, li 175 minnhom tqabbdu apposta. Ċifri li kiseb ONE News mill-Korp tal-Pulizija juru li fl-ewwel 11-il xahar tas-sena, inqerdu 148 karozza li kważi sittin minnhom inħarqu apposta.

L-aktar sena li fiha nħarqu karozzi kienet is-sena l-oħra, meta inħarqu mija u tmienja u sebgħin karozza li 72 minnhom tqabbdu apposta. L-akbar ammont ta’ karozzi li tqabbdu apposta kien f’Ħal Qormi segwit minn Bormla u l-Ħamrun.

Id-Direttur tal-Assoċjazzjoni tal-Kumpaniji tal-Assigurazzjoni, Adrian Galea, qal li dawn il-każijiet mistennija jiddeterminaw il-ħlas ta’ poloz tal-assikurazzjoni.  Qal li mill-investigazzjonijiet instabu traċċi ta’ kimika li tqabbad.
“L-insurance companies jagħmlu l-investigazzjonijiet kollha neċċessarji, kemm tul il-ħajja tal-polza, u kif ukoll meta tiġi sottometta l-claim. Wieħed ma jistax jeskludi l-fatt li jista’ jkollok claims li mhux ġenwini, jiġifieri nies li jissottometu claim għax forsi l-karozza tagħhom iridu jeħilsu minnha b’xi mod jew ieħor”, sostna s-Sur Galea.

Waqt li saħaq li każijiet ġenwini jingħataw kumpens, sostna li dawn il-każijiet iwasslu biex jiżdied il-ħlas għall-poloz tal-assigurazzjoni.

Id-Deputat Direttur tal-Protezzjoni Ċivili Peter Paul Coleiro kkonferma li f’uħud mill-karozzi qed tinstab kimika, li qed tħalli efett fuq il-metall maħruq.
“Investigatur tan-nirien jinduna jekk in-nar bdiex aċċidentalment jew tqabbadx apposta, hija ċara ħafna, u fil-fatt, din l-informazzjoni tgħaddi f’idejn il-Qorti u l-Pulizija biex ikomplu l-investigazzjonijiet tagħhom u jistabilixxu minn kien wara dan in-nar”.

Is-Sur Colerio, li jinħatar ukoll bħala espert tal-Qorti fin-nirien, qal li n-nar iħalli storja warajh, anke jekk mal-ewwel daqqa ta’ għajn wieħed jaħseb li l-evidenza tinqered għalkollox.

Qal kif “ġieli anke n-nar stess jitqabbad biex jinħeba reat ieħor, per eżempju, xi ħadd ikun seraq mill-vettura, mbagħad jagħti n-nar biex jeqred l-evidenza. Madankollu minn ikun qed jagħmel investigazzjoni wieħed jinduna li din kienet misruqa minn qabel”.

Żied jgħid li xorta waħda jkun hemm każijiet ġenwieni, “eżempju xi ħsara fl-elektronika tagħha, jew inkella xi ħsara bħal pajp tal-fjuwil li jinqasam u jinfetaħ fuq partijiet oħra li jkunu jaħarqu jew inkella żewġ biċċiet metal li jħokku ma’ xulxin u tikkawża friction”.

Intant, l-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar dan il-każijiet jitmexxew mill-Iskwadra ta’ kontra l-vetturi misruqa fi ħdan id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit One News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here