Home Newsbook Steward Health Care jakkumpanjaw lill-PM fil-Maċedonja

Steward Health Care jakkumpanjaw lill-PM fil-Maċedonja

8
0
SHARE
Advertisement

Mal-Prim Ministru fil-Maċedonja hemm għadd ta’ rappreżentanti ta’ Steward Health Care. Dan tħabbar fi stqarrija tal-Gvern li tgħid li kif ġie żvelat aktar kmieni din is-sena, il-Maċedonja hija interessata li tesplora l-mudell ta’ public private partnership li qed isir f’Malta fil-qasam tas-saħħa.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat aktar kmieni wasal fil-Maċedonja fejn beda l-ewwel żjara statali ta’ Prim Ministru Malti f’dan il-pajjiż. Huwa ltaqa’ mal-Prim Ministru tal-Maċedonja Zoran Zaev f’laqgħa bilaterali li matulha ġie deċiż li s-sena d-dieħla se jsiru żjarat fiż-żewġ pajjiżi rispettivi b’delegazzjonijiet ta’ persuni midħla fin-negozji għal opportunitajiet fiż-żewġ pajjiżi. Il-Prim Ministru sejjaħ din l-opportunita bħala “ċavetta li tiftħilna l-bibien għal opportunitajiet fil-pajjiżi Balkani” filwaqt li għall-Maċedonja Malta tfisser opportunità biex tasal f’pajjiżi fil-Mediterran.

Brexit: Il-ballun f’idejn Theresa May

Meta mistoqsi dwar Brexit, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-linji gwida li ngħataw lil Michel Barnier, in-negozjatur ewlieni fuq Brexit, intlaqgħu kollha u issa l-ballun jinsab f’idejn il-Prim Ministru Ingliż Theresa May. Il-Gvern ma tax aktar dettalji dwar Brexit.

Il-Maċedonja u Malta

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru tal-Maċedonja elenka r-riformi li qed isiru biex il-Maċedonja tkun lesta għal sħubija fl-Unjoni Ewropea. Il-Prim Ministru Joseph Muscat offra kull għajnuna anke fuq livell tekniku li jista’ joffri pajiżna għal dan l-għan.

Il-Prim Ministru tal-Maċedonja qal li f’Malta hemm madwar 5,000 persuna mill-Maċedonja jaħdmu. Il-Prim Ministru Joseph Muscat tenna li qed iħares ’il quddiem biex jiġi ffirmat ftehim bejn iż-żewġ pajjiżi dwar kundizzjonijiet tajbin għal dawn il-ħaddiema biex b’hekk ma jkunux abbużati u ma jiħdux xogħol ta’ ħaddiema Maltin peress li jaċċettaw kundizzjonijiet inqas.

Waqt din iż-żjara statali l-Prim Ministru Malti ltaqa’ wkoll mal-President tal-Maċedonja Gjorge Ivanoc u mal-Ispeaker tal-Parlament tal-Maċedonja fejn fost suġġetti oħrajn ġew diskussi l-isfidi tal-immigrazzjoni u l-possibilitajiet għal aktar koperazzjoni u żjarat bejn il-Parlament Malti u dak tal-Maċedonja.

The post Steward Health Care jakkumpanjaw lill-PM fil-Maċedonja appeared first on Newsbook.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Newsbook

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here