Home Newsbook Satabank: Schembri jgħid li Azzopardi għamel allegazzjonijiet foloz

Satabank: Schembri jgħid li Azzopardi għamel allegazzjonijiet foloz

5
0
SHARE
Advertisement

Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri qal fil-Parlament li d-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi għamel numru ta’ allegazzjonijiet foloz fil-konfront ta’ Satabank li qed jagħmlu ħsara lis-settur finanzjarju.

Waqt domanda supplementari tad-deputat Laburista Bjorn Camilleri, Schembri qal li “mhux sew u ġust” li fuq naħa l-Kap tal-Oppożizzjoni jitlob lill-Gvern biex jinvestiga lis-Satabank u fuq in-naħa l-oħra waqt li l-bank jinsab taħt proċedura ta’ amministrazzjoni bil-kontijiet bankarji ffriżati, jkun hemm deputat li jagħmel numru ta’ allegazzjonijiet foloz.

Schembri qal li mhux veru li fis-sena 2013, l-MFSA rċieva rapport ta’ 300 paġna mil-Lussemburgu biex Satabank ma jingħatax liċenzja f’Malta. Huwa qal li mhux veru lanqas li ma sar l-ebda skrutinju (due diligence) fuq dan il-bank. Sostna li lanqas mhu veru li Satabank kellu liċenzja f’dan il-pajjiż u ġiet sospiża.

Min-naħa tiegħu, Azzopardi qal is-Segretarju Parlamentari qed jiżgwida l-kamra meta fl-aġġornament tiegħu, hu qal li r-rapport intbagħat lill-FIAU mhux il-MFSA, li liċenzja minn Lussemburgu ngħatat lis-sid talbank Cristo Georgiev u mhux lill-bank.

Il-kap tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia qal li liċenzja li ngħatat lil Georgiev kien għal ftuħ ta’ negozju ieħor. Hu staqsa x’tip ta’ skrutinju sar fuq Georgiev.

Schembri qal li d-due diligence huwa process li jsir għal kumpanija li tapplika għal-liċenzja. Huwa qal li l-allegazzjonijiet ta’ Azzopardi qed isiru appost din il-ġimgħa għax jaf li bħalissa għaddej audit fuq Malta permezz tal-Moneyval, l-entita’ tal-kunsill Ewropew li jagħmel moniteraġġ fuq il-miżuri tal-pajjiżi membri kontra l-ħasil tal-flus. Huwa qal li hu nfurmat li l-liċenzja li kellu Georgiev fil-Lussemburgu ġiet irtirata b’mod volontarju fl-2016 meta l-liċenzja Maltija ngħatat fl-2014. Schembri qal li jekk kumpanija tkun taħt investigazzjoni, i ma titħalliex tirtira l-liċenzja tagħha mir-regolatur iżda tibqa’ liċenzjata sakemm l-investigazzjoni tintemm. Schembri appella lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex jieħu azzjoni kontra d-deputat Nazzjonalista ħalli ma tkomplix issir ħsara lil Malta.

Azzopardi rribatta billi staqsa jekk il-fatt li Konrad Mizzi u Keith Schembri fetħu kumpanija l-Panama u spiċċaw fiċ-ċentru ta’ numru ta’ allegazzjonijiet kienitx qed tagħmel ħsara lil Malta.

Schembri qal li issa konvenjentament il-gibda tal-Egrant sparrixiet mid-diskors ta’ Simon Busuttil għax ġie mgiddeb.

Intervjena, Simon Busuttil li ġibed l-attenzjoni tal-Ispeaker u qal li s-Segretarju Parlamentari kien qed jattribwilu fatti li hu m’għamlix għax qal li għadu jemmen li Egrant hi tal-Prim Ministru. Huwa qal li Schembri jibbaża ruħu fuq rapport li hu ma raħx u qed jibbaża ruħu biss fuq 50 paġna.  L-Ispeaker irrefera għal ruling li ta u qal li waqt li Busuttil għandu dritt jaħseb li Egrant hi tal-Prim Ministru u martu, fl-istess mod, ħaddieħor għandu dritt jaħseb mod ieħor.

Busuttil staqsa lis-Segretarju Parlamentari jekk l-aħbar li l-kumpanija 17 Black hi ta’ sid il-power station u allura kemm Mizzi kif ukoll Schembri kellu l-intenzjoni li jiġbru $150,000 f’kontijiet bankarji tagħhom mill-istess kumpanija ġietx qed tagħmel ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta.

Schembri qal li la hu, la l-poplu u lanqas l-istess Kap tal-Oppożizzjoni jemmnu dak li jgħid Busuttil.

 

 

 

The post Satabank: Schembri jgħid li Azzopardi għamel allegazzjonijiet foloz appeared first on Newsbook.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Newsbook

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here