Home Newsbook Isqof isejjaħ għal bidu ġdid bejn il-Gvern u l-Knisja fl-Irlanda

Isqof isejjaħ għal bidu ġdid bejn il-Gvern u l-Knisja fl-Irlanda

7
0
SHARE
Advertisement

L-Isqof Brendan Leahy ta’ Limerick fl-Irlanda qed jinkoraġixxi biex ikun hemm kollaborazzjoni ġdida bejn il-Gvern u l-Knisja fl-Irlanda. “Nagħmel appell umli lil dawk kollha li jirdu jibdew mill-ġdid magħna, “ejja nibnu mill-ġdid Knisja għas-servizz tas-soċjetà Irlandiża”.

Il-kummenti tal-Isqof Leahy lil gazzetta lokali, saru wara li ntemmet il-Laqgħa Mondjali tal-Familji fejn il-Papa Franġisku tkellem dwar l-iskandlu tal-abbużi klerikali fil-pajjiż.

Huwa sejjaħ dawn l-abbużi bħala “għamad tal-Knisja” li issa qed jidhru b’għajnejn miftuħa. Sostna li minkejja dawn l-avvenimenti koroh fil-Knisja, il-fidi fil-pajjiż qatt ma naqset u dan deher tajjeb ħafna waqt il-Laqgħa Mondjali tal-Familji.

“Rajt il-fidi kull fejn ħarist.  Fi żmien meta ħafna, għal raġuni jew oħra – u mhux l-anqas l-iskandli li laqtu l-Knisja – stħaw jistqarru l-fidi tagħhom pubblikament, fil-jumejn tal-Laqgħa Dinjija l-poplu ħassu meħlus mill-ktajjen. Il-liberta’ u l-ferħ taċ-ċelebrazzjonijiet, qatt ma rajna bħalhom mill-1979 ‘l hawn f’danil-pajjiż”, qal l-Isqof.

Dan ma jħassarx il-ħażin li sar. Iżda ma jkunx ġust li naraw lill-Knisja biss fid-dawl ta’ dawn l-iskandli. “Hu ċar li dawk li attendew għaċ-ċerimonji f’Dublin u Knock iħobbu b’mod qawwi l-fidi tagħhom u dan irridu nkomplu nsaħħuh. Din hi l-missjoni tagħna. Id-dnubiet tal-imgħoddi ma nħalluhomx idallmu din il-missjoni,” qal l-Isqof.

Hu qal li l-Knisja għamlet passi kbar biex ittejjeb il-protezzjoni tat-tfal u sostna li l-Knisja hi lesta tikkoopera mal-awtoritajiet. Jekk xi abbużi għadhom moħbija, l-Isqof inkoraġixxa lill-membri tal-Knisja biex iressquhom ‘l quddiem.

“Nitlobhom jiġu ‘l quddiem immedjatament u jgħidu bihom lill-awtoritajiet tal-Istat u tal-Knisja. Tpoġġux lilkom infuskom f’sitwazzjoni fejn il-velenu li hemm jista’ jinfetta lil ħaddieħor. M’hemmx lok għal dan fid-dar t’Alla”.

F’dawn l-aħħar snin, ir-relazzjonijiet bejn il-Gvern u l-Knisja fl-Irlanda ma kienux tajbin.

 

The post Isqof isejjaħ għal bidu ġdid bejn il-Gvern u l-Knisja fl-Irlanda appeared first on Newsbook.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Newsbook

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here