Home Newsbook Filmat: Tajani jqabbel lill-Malta u s-Slovakkja mal-każ tal-Ungerija

Filmat: Tajani jqabbel lill-Malta u s-Slovakkja mal-każ tal-Ungerija

6
0
SHARE
Advertisement

Il-Parlament Ewropew irid ikollu aktar saħħa biex jiddefendi s-Saltna tad-Dritt (Rule of Law) fil-pajjiżi membri. Dan qalu l-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani meta saħaq li l-Parlament Ewropew irid ikollu s-saħħa biex jipproċedi kontra pajjiżi membri.

F’laqgħa mal-ġurnalisti fi Strasburgu li għaliha Newsbook.com.mt kien preżenti, Tajani qal li “sfortunatament” mhux l-Ungerija biss għandha l-problema fejn il-liġijiet ma jiġux osservati. Huwa staqsa jekk is-Saltna tad-Dritt tkunx irrispettata jekk f’pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea jinqatlu l-ġurnalisti. Huwa speċifika billi semma lill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia u anki l-każ fis-Slovakkja fejn inqatel il-ġurnalist Jan Kuciak u t-tfajla tiegħu.

Stqarr li mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker, huwa qal li diffiċli li jinsew il-każijiet ta’ qtil ta’ Caruana Galizia f’Malta u ta’ Kuciak fis-Slovakkja. Spjega li l-Parlament Ewropew huwa fuq quddiem nett biex jipproteġi d-demokrazija u għalhekk, huwa bħala l-President se jibqa jfakkar fuq dawn il-każijiet għax huma temi politiċi.

Meta rrefera għall-mandant fil-każ ta’ dan il-qtil fuq il-ġurnalisti, Tajani qal li “irridu nsibu min hu l-missier u min hi l-omm” tal-aggressuri.

Mitlub jirribatti allegazzjonijiet fil-midja Taljana dwar il-vot tal-Ungerija f’kummenti li għadda mal-ġurnal Il Sole Radio 24, Tajani qal li l-allegazzjoni mis-Soċjalisti hija kompletament Fake News. Spejga dak li qal u fisser li hu dejjem jirrappreżenta r-rieda tal-maġġoranza fil-Parlament Ewropew bħala uffiċjal u ma kienx veru li kien qed iżomm mal-pożizzjoni li ttieħdet mill-Forza Italia, li huwa l-Partit li miegħu huwa affiljat bħala Membru Parlamentari Ewropew.

Dwar dan tkellmet ukoll il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli li f’kummenti mal-gazzetta Malta Today qalet hekk: “Biex jiġġustifika lilu nnifsu u lill-ħabib tiegħu, huwa attakka pajjiżi oħra inkluż Malta… Imġiba inaċċettabbli minn xi ħadd li jippreżenta lilu nnifsu bħala l-mexxej tal-Parlament Ewropew kollu. Huwa jirrepeti dak li jgħidulu u jippreżenta argumenti bbażati fuq aġenda purament partiġġjana. Mhux sorpriża xejn. Naf minn fejn tasallu l-informazzjoni dwar Malta”.

Ir-risposta sħiħa tal-President Tajani f’dan il-filmat:

The post Filmat: Tajani jqabbel lill-Malta u s-Slovakkja mal-każ tal-Ungerija appeared first on Newsbook.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Newsbook

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here