Home Net News IL-KOREA TA’ FUQ: Indikazzjonijiet li Pyongyang qed jaħdem fuq missili ġodda

IL-KOREA TA’ FUQ: Indikazzjonijiet li Pyongyang qed jaħdem fuq missili ġodda

51
0
SHARE
Advertisement

Il-Korea ta’ Fuq – skont ir-rapporti – tidher li qed tibni missili ballistiċi ġodda minkejja t-titjib fir-relazzjonijiet mal-Istati Uniti u l-wegħdiet mir-reġim ta’ Pyongyang biex ‘inaqqas mill-element nukleari’.

Xi uffiċjali Amerikani li ma ssemmewx b’isimhom qalu lill-Washington Post li s-satelliti tal-Istati Uniti ‘indikaw’ attivitajiet kontinwi f’sit (fil-Korea ta’ Fuq) li jipproduċi l-missili ballistiċi.

Intant, mhux ċar il-livell tal-iżvilupp f’dan is-sit meta dawn mhumiex l-ewwel rapporti fis-sens li ‘il-Korea komunista tista’ qed tkompli bil-programm tal-armi’ minkejja l-impenji pożittivi ta’ waqt is-summit ta’ Singapore bejn il-President Amerikan Donald Trump u l-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un.

Wara din il-laqgħa, Trump u Kim kienu impenjaw ruħhom biex jaħdmu lejn id-denuklearizzazzjoni, bil-President Amerikan jgħid, wara, li ‘il-Korea ta’ Fuq ma għadhiex aktar theddida nukleari’. Fl-istess ħin, l-Amerikani kienu kkritikaw lil Donald Trump talli għamel il-konċessjonijiet mingħajr ma kiseb impenn ċar mingħand Kim biex jikkonkludi l-programmi missilistiċi u nukleari tal-Korea komunista.

Ir-rapport fil-Washington Post ikkwota lill-uffiċjali fis-sens li l-Korea ta’ Fuq tidher li qed tiżviluppa żewġ missili ballistiċi interkontinentali fil-faċilità ta’ Sanumdong, qrib il-kapitali, Pyongyang.

Qed jingħad li din il-faċilità kienet ipproduċiet il-Hwasong-15, li hi l-ewwel missila ballistika tal-Korea ta’ Fuq bil-kapaċità li twassal sal-Istati Uniti.

Intant, rapporti oħra qalu li ritratti mis-satellita wrew il-vetturi deħlin u ħerġin mill-faċilità; iżda minkejja s-sinjali ċari tal-attività ma kienx hemm indikazzjonijiet ovvji dwar il-kostruzzjoni tal-missili.

Ingħad ukoll li dehru ‘il-kontejners ikkuluriti’ fis-sit li kienu simili għal dawk li kienu dehru waqt l-ispezzjonijiet li Kim Jong-un kien għamel fil-passat, fiz-zoni għall-produzzjoni tal-missili.

Il-Korea ta’ Fuq wettqet total ta’ sitt provi nukleari – l-aktar prova riċenti saret f’Settembru tas-sena l-oħra.

Fi żviluppi oħra, il-Korea t’Isfel u l-Korea ta’ Fuq iddiskutew ‘it-tnaqqis tat-tensjoni’ waqt taħditiet fuq livell militari, iżda huma ma żvelawx xi ftehim iddettaljat.

Il-laqgħa f’Panmunjom (it-tieni waħda ta’ dan it-tip minn Ġunju) kienet maħsuba bħala ‘tkomplija’ tas-summit inter-Korean ta’ April, fejn il-Mexxejja tal-Korej kienu qablu biex inaqqsu mit-tensjoni fil-peniżola komuni filwaqt li jżommu lura ‘mill-atti ostili’.

The post IL-KOREA TA’ FUQ: Indikazzjonijiet li Pyongyang qed jaħdem fuq missili ġodda appeared first on NETnews.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here