Home Net News Atleti minn Team Noel jirrappreżentaw lil Malta darbtejn fi ftit jiem

Atleti minn Team Noel jirrappreżentaw lil Malta darbtejn fi ftit jiem

41
0
SHARE
Advertisement

L-ebda mistrieħ għal tliet atleti mill-klabb Ying Yang – Team Noel, li fi tmiem il-ġimgħa li għadda għal darb’ oħra rrappreżentaw lil Malta fi ġlidiet internazzjonali. L-atleti Maltin Keith Azzopardi, Christopher Rotin u Jesred Piscopo kienu għadhom kemm ikkompetew u rebħu kontra atleti barranin waqt il-Gladiators Fight Night 20 li ttella’ fil-Padiljun ta’ Kordin il-Ġimgħa 20 ta’ Lulju.

Preċiżament ġimgħa wara, Keith Azzopardi kien diġà jinsab Ruma, fejn bl-assistenza ta’ Samuele Andolina, atleta ieħor mill-klabb Team Noel, irrappreżenta lil Malta fi ġlieda boxing f’livell professjonali. Azzopardi rnexxielu jirbaħ kontra l-avversarju Taljan Fabio Caramella, minkejja li kellu siequ mweġġa’ mill-ġlieda ta’ ġimgħa qabel.

Fl-istess waqt, waslu fi Sqallija żewġ atleti oħra ta’ Team Noel, Christopher Rotin u Jesred Piscopo, li flimkien mal-kowċ Noel Mercieca u l-assistent Clint Chircop, telgħu jirrappreżentaw lil pajjiżhom fi ġlidiet tal-kickboxing.

Christopher Rotin, li ġimgħa qabel rebaħ titlu Ewropew tal-WKN, iffaċċja avversarju Taljan fi ġlieda Pro li kellha tkun K1 rules. Bla mistenni iżda r-regoli tal-ġlieda ġew mibdula għal Fight Code, bl-atleta Malti jkun mgħarraf b’dan minuti qabel. Rotin madanakollu ma qatax qalbu u għażel li jkompli bil-ġlieda, fejn għadda biex tilef bil-punti.

Waqt l-istess serata f’Rosolini ġġieled ukoll Jesred Piscopo, li bħal Azzopardi u Rotin kien għadu kemm iġġieled u rebaħ ġimgħa qabel kontra atleta Slovakk. Din id-darba Piscopo ffaċċja atleta Taljan fi ġlieda K1 li spiċċat draw.

Master Noel Mercieca qal li jinsab kuntent ħafna bir-riżultati tat-tliet atleti, li ma qatgħux qalbhom jiġġieldu darbtejn fuq xulxin mingħajr mistrieħ bil-għan li jiksbu iktar suċċessi u esperjenza f’dan l-isport.

Min jixtieq iktar informazzjoni dwar it-taħriġ offrut mill-klabb Team Noel – Ying Yang jista’ jagħmel kuntatt mal-Master Noel Mercieca fuq 79208283, iżur is-sit elettroniku http://www.kickboxing.com.mt/ jew il-paġna ta’ Facebook Team Noel – Kickboxing Malta.

The post Atleti minn Team Noel jirrappreżentaw lil Malta darbtejn fi ftit jiem appeared first on NETnews.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here