Home One News Busuttil u Gonzi fl-laqgħa sigrieta fl-Excelsior

Busuttil u Gonzi fl-laqgħa sigrieta fl-Excelsior

18
0
SHARE
Advertisement

One News jista’ jiżvela laqgħa sigrieta li saret dalgħodu bejn l-eks kapijiet Nazzjonalisti Lawrence Gonzi u Simon Busuttil f’lukanda l-Furjana.

Il-laqgħa li bdiet għall-ħabta tat-tmienja damet għaddejja għal madwar sagħtejn u saret fl-isfond tas-sejħa li għamel il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia l-Ħadd li għadda biex Busuttil jissospendi lilu nnifsu mill-Partit Nazzjonalista.

Dan wara li l-inkjesta indipendenti tal-Maġistrat Aaron Bugeja ħarġet fil-beraħ il-frame up li nħema fuq il-Prim Ministru, martu u qrabatu permezz tal-kumpanija Egrant.

Mgħarrfin mix-xufiera tagħhom bil-preżenza tagħna fuq il-post, Gonzi u Busuttil ħarbu mill-ħruġ tal-emerġenza biex jevitaw il-cameras ta’ ONE NEWS.

Sorsi qalu lil ONE NEWS li l-laqgħa sigrieta bejn Gonzi u Busuttil bdiet għall-ħabta tat-8:20 tal-Erbgħa filgħodu. L-ewwel ma wasal kien Simon Busuttil liebes qmis bajda u qalziet kafelatte. Ftit tal-ħin wara ntlemaħ l-eks Kap Nazzjonalista, Lawrence Gonzi.

Din il-laqgħa li damet aktar minn sagħtejn saret fis-sular ta’ fuq tal-lukanda. Sorsi qrib ONE NEWS qalu li l-General Manager tellagħhom fuq sabiex ma jkomplux jagħtu fil-għajn.

Jistennewhom barra il-karozzi tagħhom akkumpanjati bix-xufiera fejn għal ħin twil intlemħu jitkellmu bejniethom.

Kienu għall-ħabta tal-10:30 daqqu li x-xufier ta’ Busuttil beda jkemmex xofftejh malli ntebaħ bil-preżenza tagħna fuq il-post. Sabiex jevita sitwazzjoni imbarazzanti, ix-xufier ta’ Busuttil deher dieħel fil-lukanda biex jgħarrfu bil-preżenza tagħna.

Fil-fatt l-eks żewġ kapijiet Nazzjonalisti għażlu li joħorġu minn bieb alternattiv bil-għan li jevitaw il-cameras ta’ ONE NEWS.

Saru l-ħdax u x-xufier ta’ Busuttil deher jistartja l-karozza u jitlaq minn fuq il-post biex imur jiġbor lill-eks Kap Nazzjonalista minn fire exit.

Lawrence Gonzi ħareġ mil-lukanda nofs siegħa wara li telaq minn fuq il-post Busuttil. Filfatt kien għall-ħabta ta’ nofsinhar neqsin għoxrin li x-xufier ta’ Gonzi  daħal fil-karozza, startja u f’ħakka t’għajn saq lejn it-telgħa ta’ Belt is-Sebħ.

Sorsi qrib il-Partit Nazzjonalista kkonfermaw li matul il-laqgħa, l-eks kapijiet iddiskutew il-pass li jmiss fit-taqbida għall-poter fil-Partit Nazzjonalista.

Sostnew li f’din it-taqbida, Gonzi jinsab għalkollox wara Busuttil li wara l-elezzjoni ġenerali li għaddiet kien minn ta’ quddiem li stqarr li Simon Busuttil ma kellux jirriżenja minn Kap tal-Partit minkejja l-akbar telfa elettorali li qatt ġarrab il-Partt Nazzjonalista.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit One News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here