Home Net News “Nuqqasijiet kbar u sistematiċi fl-FIAU” – Investigazzjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea dwar l-FIAU...

“Nuqqasijiet kbar u sistematiċi fl-FIAU” – Investigazzjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea dwar l-FIAU u Pilatus Bank

22
0
SHARE
Advertisement

Fil-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) hemm nuqqasijiet kbar u sistematiċi li qed iwasslu għall-ksur tal-liġijiet Ewropej, u dan jirriżulta mill-mod kif ġie trattat il-każ ta’ Pilatus Bank mill-istess FIAU.

Kienet din il-konklużjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea f’rapport dettaljat li fih mhux biss identifikat in-nuqqasijiet tal-FIAU, iżda tat ukoll rakkomandazzjonijiet ta’ kif l-FIAU tista’ tirregola ruħha.

Kien fl-aħħar ta’ Ottubru li għadda li l-Awtorità Bankarja Ewropea kienet ġiet mitluba mill-Kummissjoni Ewropea biex tinvestiga lill-FIAU u lill-Pilatus Bank, u possibilment, ksur tal-liġijiet tal-Unjoni Ewropea dwar il-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu – speċjalment għar-rigward tal-mod kif ġie trattat il-każ tal-Pilatus Bank mill-awtoritajiet finanzjarji Maltin.

L-investigazzjoni uffiċjali mill-Awtorità Bankarja Ewropea kienet infetħet fit-23 ta’ Mejju li għadda, bl-FIAU tibqa’ tinsisti li m’għamlet xejn ħażin u li kellha s-sistemi kollha f’posthom.

Imma r-rapport finali tal-Awtorità Bankarja Ewropea, bl-iswed fuq l-abjad, juri mod ieħor. “Dak li sabet l-Awtorità Bankarja Ewropea jipponta lejn nuqqasijiet ġenerali u sistematiċi fil-mod ta’ kif l-FIAU applikat il-liġi tal-Unjoni Ewropea”, jikkonkludi r-rapport, bl-Awtorità Ewropea żżid li l-FIAU ftit għamlet biex tassigura li dawn il-liġijiet jiġu applikati kif suppost, bl-Awtorità saħansitra tagħmel numru ta’ rakkommandazzjonijiet.

Ir-rapport u r-rakkomandazzjonijiet tal-Awtorità Bankarja Ewropea saru wara li l-istess Awtorità Ewropea saħansitra kienet ġiet Malta fejn kienet sħarrġet jekk l-awtoritajiet finanzjarji Maltin applikawx il-liġijiet Ewropej għar-rigward tal-każ Pilatus Bank.

Fir-rapport tal-Awtorità Bankarja Ewropea, Pilatus Bank jiġi deskritt bħala bank privat b’bażi ta’ klijenti sinjuruni li ħafna minnhom nstabu li għandhom rabtiet ma’ pajjiżi li huma meqjusa bħala ċentri għall-ħasil tal-flus.

Fost l-oħrajn, l-Awtorità Bankarja Ewropea eżaminat spezzjoni li l-FIAU kienet għamlet fl-uffiċini ta’ Pilatus Bank – bl-Awtorità Ewropea tikkonkludi li l-FIAU, minn din iż-żjara, la għandha record ta’ liema files u dokumenti eżaminat u lanqas ma żammet lista tad-dokumenti li Pilatus Bank ma preżentax minkejja li mitlub.

The post “Nuqqasijiet kbar u sistematiċi fl-FIAU” – Investigazzjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea dwar l-FIAU u Pilatus Bank appeared first on NETnews.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here