Home Newsbook Pensjoni ġustifikata għall-Imħallef Emeritu Sciberras – NAO

Pensjoni ġustifikata għall-Imħallef Emeritu Sciberras – NAO

44
0
SHARE
Advertisement

L-Imħallef Emeritu Philip Sciberras qed jingħata pensjoni parlamentari li jikkwalifika għaliha. Dan joħroġ minn investigazzjoni magħmula mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) li tikkonkluda li l-għoti tal-pensjoni parlamentari lill-eks-Membru Parlamentari kienet regolari u ġustifikata.

Fl-20 ta’ Marzu, iċ-Chairman tal-Alternattiva Demokratika (AD) kien talab lill-NAO biex jeżamina l-pensjoni parlamentari mħallsa lill-eks-Membru Parlamentari Dr Philip Sciberras. It-talba saret wara allegazzjonijiet fil-midja fejn ġie sostnut li l-eks-MP kien qed jirċievi pensjoni parlamentari li ma kienx intitolat għaliha, li ġiet imħallsa lilu kontra l-parir tad-Dipartiment tat-Teżor.

L-NAO qalet li l-eks-MP kien ġie elett l-ewwel darba fil-Parlament fl-1979 permezz ta’ elezzjoni każwali (by-election) u serva mill-20 ta’ Lulju 1979 sad-9 ta’ Novembru 1981. Hu ġie sussegwentement elett mill-ġdid fl-elezzjoni ta’ wara, dik tal-1981, u serva mit-18 ta’ Diċembru 1981 sat-13 ta’ Frar 1987.

L-Att dwar il-Pensjonijiet tal-Membri tal-Parlament jgħid li l-perjodu bejn il-leġislaturi għandu jiġi ikkalkulat għal skopijiet ta’ pensjoni jekk l-Membru Parlamentari jiġi elett fil-Parlament fl-elezzjoni ġenerali ta’ wara.

L-NAO stabbilixxa li m’hemm ebda kundizzjoni fil-liġi li tipprekludi, għal finijiet ta’ pensjoni, iż-żmien li MP iservi meta hu jkun ġie elett permezz ta’ elezzjoni każwali.

Wara li l-NAO analizza d-dokumentazzjoni kollha provduta, inkluż il-parir tal-Avukat Ġenerali, l-uffiċċju tal-Verifika qal li jaqbel ma’ dak sostnut mill-Avukat Ġenerali li l-perjodu kollu li serva l-eks-MP kellu jkun meqjus bħala perjodu pensjonabbli.

Barra minn hekk, l-Uffiċċju vverifika l-pagamenti lill-eks-MP fir-rigward tal-pensjoni parlamentari u kkonferma li l-ħlasijiet kollha li saru kienu fil-fatt regolari. Il-pensjoni dovuta kienet tmur b’lura mill-2006 meta l-eks-MP laħaq l-età ta’ 61 sena.

Fir-rigward tal-allegata interferenza politika, l-NAO qal li ma identifika l-ebda inkonsistenza fit-trattament ta’ dan il-każ jew ebda forma ta’ pressjoni esterna li setgħet titqies bħala interferenza politika sabiex l-eks-MP jikseb il-pensjoni parlamentari.

Fil-fatt, kien is-Segretarju tal-Assoċjazzjoni tal-Eks-Membri tal-Parlament li kkorrisponda mal-awtoritajiet rilevanti biex jassisti lill-eks-MP sabiex tiġi riżolta l-kwistjoni.

Fl-istess ħin li ntalbet din l-investigazzjoni, l-parlament kien qabel fuq emendi għar-riforma dwar il-Pensjonijiet tal-Parlament, biex jitqassar iż-żmien li fih membru parlamentari jrid iservi fil-parlament biex jieħu pensjoni. Kien ġie maqbul li ż-żmien li l-politiku irid iservi fil-parlament jitqassar minn żewġ leġislaturi għal leġislatura waħda, waqt lipersuni li jservu fir-rwol ta’ speaker, u li ma jkunux membri parlamentari, ikunu eleġibbli għal pensjoni tal-parlament.

Dawn l-emendi ma daħlux fis-seħħ wara li l-Oppożizzjoni rtirat l-appoġġ tagħha.

AQRA: Jitqassar iż-żmien li fih MP jrid iservi għal pensjoni

The post Pensjoni ġustifikata għall-Imħallef Emeritu Sciberras – NAO appeared first on Newsbook.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Newsbook

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here