Home Newsbook Avviżi Komunitarji – Il-Ġimgħa 22 ta’ Ġunju 2018 (Filgħodu)

Avviżi Komunitarji – Il-Ġimgħa 22 ta’ Ġunju 2018 (Filgħodu)

11
0
SHARE
Advertisement

  • Fl-okkażżjoni tal-festa tat-Twelid ta’ San Ġwann Battista, fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann għada s-Sibt fil-5.00pm Monsinjur Arċisqof se jmexxi  t-Traslazzjoni Solenni tar-relikwja mill-Oratorju għall-Artal Maġġur segwit minn Kant Solenni tal-Ewwel Għasar mit-tron. Fis-6.00pm tibda Quddiesa tal-ħin. Il-Ħadd 24 ta’ Ġunju fid-9.15am Monsinjur Arċisqof jippresiedi l-Pontifikal Solenni tas-Solennità. Fil-00am u f’12.00pm isir Quddies tal-ħin. Fil-5.15pm jibda It-Tieni Għasar tal-Festa segwit fil-5.30pm minn Quddiesa tal-ħin. Fis-6.15pm issir  Repożizzjoni tar-Relikwa tal-Qaddis.
  • Il-Kurja tal-Arċisqof tavża li l-Uffiċċju Żwiġijiet fil-Kurja, l-Furjana, ser ikun miftuħ f’dawn il-ġranet u ħinijiet: It-Tnejn, it-Tlieta, l-Erbgħa, il-Ġimgħa u s-Sibt bejn it-8am u l-11:30am. Dawn il-ġranet u ħinijiet japplikaw sas-Sibt 29 ta’ Settembru.
  • Il-Festa tal-135 anniversarju tas-sejħa lil Karmni Grima u Franġisk Portelli ssir  fis-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu fl-Għarb Għawdex illum. Il-Quddies filgħodu jkun fil-00, fis-6.00, fis-7.00, u fil-11.15am. Fid-9.00am jibda Pontifikal Solenni mmexxi mill-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech, flimkien ma’ saċerdoti u reliġjużi minn Malta u Għawdex li matulu ssir it-Talba tas-Supplika u kant tat-Te Deum. Is-Supplika tixxandar diretta fuq RTK103FM. Minn 12.30pm sal-5.00pm tibda Adorazzjoni fis-skiet fil-Kappella tal-Madonna Ta’ Pinu. Fis-6.00pm issir it-Talba tar-Rużarju u Kurunella tal-Madonna Ta’ Pinu. Fis-6.30pm tibda  Quddiesa Solenni u Kant tat-Tieni Għasar minn Monsinjur Trevor Sultana, Arċipriet tal-Kolleġġjata tal-Viżitazzjoni fl-Għarb. Fis-7.30pm jibda Pontifikal Solenni mmexxi mill-Arċisqof ta’ Malta Mons. Charles J. Scicluna. Xandira diretta fuq RTK103FM. Fit-8.30pm tibda Purċissjoni aux flambeaux fuq iz-zuntier tas-Santwarju bil-kwadru-replika tal-Madonna Ta’ Pinu, fejn tingħad il-Kurunella u t-Talba ta’ Affidament tal-Familji lill-Madonna Ta’ Pinu u fl-10.00pm tingħata l-Barka Sagramentali.
  • Il-Festa Titulari tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Ħamrun issir il-Ħadd l-1 ta’ Lulju. Illum il-Ġimgħa t-Tieni Jum tan-Novena fis-6.00pm jibda Rużarju meditat. Fis-6.30pm tibda Quddiesa mmexxija minn Dun Charles Buġeja – b’suffraġju tal-erwieħ ta’ persuni mill-Parroċċa. Fuq barra fis-7.30pm issir Carcade mat-toroq tal-Parroċċa, li titlaq minn quddiem il-knisja. Il-karozzi u-sewwieqa li jieħdu sehem jiġu mbierka u tingħata tifkira.
  • F’għeluq l-40 sena minn meta r-Regola tal-Ordni Franġiskan Sekular ġiet emendata u approvata mill-Papa Pawlu VI fl-1978, se tiġi ċċelebrata quddiesa bil-parteċipazzjoni tat-tlett Provinċjali, illum il-Ġimgħa fis-6.15pm fil-Knisja ta’ San Franġisk, Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta. Mistiedna b’mod speċjali l-membri kollha tal-Ordni Franġiskan Sekular.
  • Is-Soċjeta tal-Museum tavża li illum il-Ġimgħa ser issir laqgħa oħra tal-Grupp San Ġorġ Preca. Din il-laqgħa din id-darba mhux qed issir fl-aħħar Ġimgħa tax-xahar minħabba li fit-29 taħbat festa. Waqt din il-laqgħa ser naraw x’rabta hemm bejn Dun Ġorġ u San Ġwann il-Battista, li l-festa tat-twelid tiegħu niċċelebrawha f’dan ix-xahar. Il-laqgħa bħas-soltu ser issir fiċ-Ċentru Studji Dun Ġorġ fil-Blata l-Bajda (dħul minn ħdejn is-Sagristija) u tibda fis-6:30pm u tintemm fis-7:15pm. Għal min ikun jixtieq, ikun hemm il-quddies fil-Kappella tal-Midalja Mirakoluża fis-6.00pm.
  • Il-Kummissjoni Emigranti tavża li s-Sagramenti ta’ l-Ewwel Tqarbina u l-Griżma ta’ l-Isqof għat-tfal tal-Emigranti Maltin li jkunu Malta fis-sajf, ser issir nhar l-Erbgħa 25 ta’ Lulju. Għal aktar tagħrif  ċemplu Dar l-Emigrant  telefon 21222644
  • Fl-okkażżjoni tal-50 sena mill-Inawgurazzjoni tal-Arkiviji u l-Mużew tal-Katidral tal-Imdina, se ssir taħdita mill-Isqof Carlos De Pinho Moreira Azevedo, Delegat tal-Kunsill Pontifiċju għal kultura fil-Mużew tal-Katidral tal-Mdina s-Sibt 30 ta’ Ġunju fl-10.30am
  • Qed issir sejħa lill-ex-membri tal-Fergħa Ewkaristika tal-Marsa u lil kull min jinteressah biex isir membru tal-fergħa biex jattendi għall-attivita’ li se ssir is-Sibt 7 ta’ Lulju fis-7.30pm.  Matul din il-laqgħa jingħata tagħrif minn Dun David Cilia, Delegat Speċjali ta’ l-Arċisqof għall-Fergħa Ewkaristika, kif ukoll ikun ippreżentat il-kumitat il-ġdid.  Qabel il-laqgħa ikun hemm Rużarju u Adorazzjoni fis-6.00pm u quddiesa fis-7.00pm. Wara l-laqgħa ssir bibita għal kull min jattendi.
  • Il-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa ta’ Triq Mountbatten, Blata l-Bajda se jorganizza diversi korsijiet għas-sajf li jinkludu fost oħrajn Taħrig fl-ICT, kors tal-Ingliż, Konverżazzjoni tat-Taljan u tal-Malti, Matematika, u Kif tintroduċi x-Xjenza mat-Tfal Żgħar. Għal aktar tagħrif ċemplu 21248881 jew  21246982 jew ibgħatu imejl  fuq ncwmalta@camline.net.mt
  • Il-Parroċċa ta Ħ’Attard ser  terġa torganizza is-Summer Club għal tfal ta bejn il- 5 u 13 ‘il sena, bejn Lulju u Awissu. Dan il-klabb jibda b’quddiesa u wara jsiru attivitajiet soċjali, logħob u ħarġiet kulturali u sportivi. Kull min hu interessat jista’ jiġbor applikazzjoni u aktar informazzjoni mill-uffiċċju parrokkjali ta Ħ’Attard fuq 21434949.
  • L-Għaqda Filantropika Talent Mosti qed ittella’ Wirja Artistika minn  Lorraine Paris bit-tema Brush Strokes sa għada s-Sibt fir-Razzett tal-Markiż Mallia Tabone fi Triq Wied il-Għasel, il-Mosta. Miftuħa mis-6pm sat-8pm. Sadanittant  illum il-Ġimgħa 22 ta’ Ġunju fis-7.00pm  se titella’ serata speċjali fejn sa jkun mistieden il-poeta Malti Awstraljan Frank Zammit, fir-Razzett tal-Markiż Mallia Tabone fi Triq Wied il-Għasel, il-Mosta.
  • Il-Kummissjoni Djoċesana Familja, fl-Istitut tal-Familja Papa Ġwanni Pawlu II, fi Triq Fortunatu Mizzi fir-Rabat Għawdex, se torganizza tliet korsijiet dwar il-familja li ser ikunu qed jigu offruti bejn it-Tnejn 2 ta Lulju u l-Ġimgħa 13 ta Lulju u li se jitrattaw  Kors A  Kif nikbru fir-relazzjoni tagħna bħala koppja u kif inġibu ruħna ma’ wliedna? Kors B: X’ifisser iż-żwieġ sagrament, x’tgħid il-Liġi dwar iż-żwieġ? Kors C: Kif inkun naf aktar lili nnifsi? Applikazzjonijiet jintlaqgħu sa nhar l-Erbgħa 27 ta’ Ġunju. Għal aktar informazzjoni ċemplu 21556513/ 99877339/ 79734831 jew ibgħatu imejl  fuq  kdfgozo@gmail.com

The post Avviżi Komunitarji – Il-Ġimgħa 22 ta’ Ġunju 2018 (Filgħodu) appeared first on Newsbook.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Newsbook

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here