Home Net News Mara aggredita f’Raħal Ġdid – il-Pulizija falliet milli tirreġistra r-rapport?

Mara aggredita f’Raħal Ġdid – il-Pulizija falliet milli tirreġistra r-rapport?

34
0
SHARE
Advertisement

Erba’ xhur wara li mara sfat attakkata minn sewwieq ta’ trakk, dan il-każ jidher li ntesa’ tant li l-vittma lanqas biss irċeviet notifika biex tiġbor kopja tar-rapport li għamlet għand il-Pulizija.

Il-każ imur lura għat-23 ta’ Jannar li għadda meta l-mara kienet qed issuq il-vettura tagħha biswit l-MCAST waqt li fil-karozza kellha lil uliedha ta’ seba’ u erba’ snin, kif ukoll tarbija ta’ sena. Akkumpanjata minn ħuha, hi kienet se twassalhom l-iskola tal-Fgura.

F’mument minnhom il-vittma tallega li xufier ta’ trailer beda jrossha u, beżgħana għas-sigurtà tagħha u wliedha, bdiet tpaqpaqlu. Iktar ‘il fuq, meta t-tnejn li huma waqfu fuq it-traffic lights, tirrakkonta li x-xufier li għandu 65 sena niżel għaliha, daħal minn qaddu ‘l ġewwa fil-karozza tagħha u qabad itiha bil-ponn.

Waqt dan kollu, il-vittma tgħid li kien hemm sewwieq ta’ vann li ra kollox. Madankollu tispjega li l-Pulizija, għalkemm ħadu noti ta’ dak li rrakkuntalhom, infurmawha li x-xhud ried jibqa’ anonimu u li ma tteħdux dettalji tiegħu.

Kawża ta’ dak li għaddiet minnu, il-mara sofriet minn trawma tant li għal ġimgħat wara l-inċident kienet tqum imwerwra matul il-lejl. Ċertifikat mediku minn psikjatra, datat fil-31 ta’ Jannar li għadda, iċċertifika li l-klijenta qed issofri minn “disregolamentazzjoni emozzjonali, aġitazzjoni, anzjetà, irqad disturbat, palpitazzjonijiet, rogħda u problemi ta’ nifs li bdew wara li ġiet attakkata.”

Il-psikjatra jinnota wkoll li ripetutament il-mara qed iġġib quddiem għajnejha dak li għaddiet minnu b’ħolm kontinwu li mill-ġdid iġegħlha tgħix it-trawma tant li tqum beżgħana. Kawża ta’ dan hi ngħatat preskrizzjoni tal-kalmanti.

Ċertifikat tat-tabib tal-vittma jikkonferma l-ġrieħi.

Ma’ Net News, il-vittma tagħmel akkużi serji hekk kif tiddubita jekk dan ir-rapport fil-verità qattx ġie rreġistrat mill-uffiċjali li tkellmet magħhom.

Tispjega kif dakinhar tal-agressjoni, ix-xufier kompla bil-ġurnata tax-xogħol tiegħu qisu qatt ma ġara xejn. “Meta staqsejt lill-uffiċjal li kien hemm fil-post dwar għaliex mhux se jarrestah, dar lejja u qalli: X’qed tippretendi li nagħmel? Insabbtu mal-barrier u naqbad intih?”

Meta nsistiet li tfittxu bil-Qorti, il-Pulizija għal iktar minn darba staqsiha hux ċerta li trid tfittxu kriminalment. Allegatament qalilha wkoll li la trid tinsisti, tistenna xi sentejn tiela’ u nieżla l-Qorti.

Jirriżulta li l-agressur stess ammetta mal-Pulizija b’dak li għamel, iżda tgħid ukoll li avviċinaha u offrielha €100 biex ma tipproċedix fil-konfront tiegħu. “Il-Pulizija kompla miegħu u qalli li jkun aħjar naċċetta milli noqgħod nidher darba wara l-oħra quddiem il-Qorti. U l-għada, meta mort l-għassa biex nurihom iċ-ċertifikat mediku, sibt Pulizija li qalli biex noħorġu nitkellmu barra mill-Għassa fejn qalli li dan mhux każ serju u li għandi mmur id-dar u naħsibha sew.”

Minn riċerka li għamel Net News jirriżulta li l-akkużi fil-konfront tal-agressur mhux ġodda b’każi simili ta’ theddid li madankollu ma nstabx ħati tagħom.

The post Mara aggredita f’Raħal Ġdid – il-Pulizija falliet milli tirreġistra r-rapport? appeared first on NETnews.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here