Home One News Ara l-bidliet fit-test tal-VRT li daħlu fis-seħħ

Ara l-bidliet fit-test tal-VRT li daħlu fis-seħħ

13
0
SHARE
Advertisement

 

Daħlu fis-seħħ numru ta’ bidliet fil-mod kif isir it-test tal-VRT. Bidliet li se jiżguraw test armonizzat madwar l-Unjoni Ewropea u vetturi aktar sikuri u nodfa fit-toroq Maltin u Għawdxin.

Dan bil-għan li jonqsu l-każi ta’ mwiet u korrimenti fit-toroq minħabba manutenzjoni ħażina tal-karozzi, kif ukoll l-impatt negattiv fuq l-ambjent.

Bidla ewlenija taffettwa l-kategorizzazzjoni tar-riżultat tat-test, fejn issa d-difetti se jibdew ikunu kkategorizzati skont il-gravità u l-livell ta’ riskju għas-sigurtà fit-triq.

Vince Micallef Pulè – uffiċjal fi Transport Malta, spjega kif qabel karozza kienet tgħaddi jew tfalli mit-test – iżda issa hemm kategoriji differenti għal dan.

Spjega li meta karozza tgħaddi se tingħata wieħed minn żewġ riżultati: jew li għaddiet mit-test; jew li għaddiet mit-test b’difetti żgħar.

B’din tal-aħħar tfisser li tkun laħqet ir-rekwiżiti minimi tal-istandards biex tkun tista’ tinstaq fit-triq, iżda li jkollha difetti żgħar li xorta sid il-karozza jkollu l-obbligu li jirranġahom.

Micallef Pulè qak li “Jekk ikunu dawn id-difetti żgħar li m’għandhom l-ebda impatt fuq is-sikurezza tal-vettura jew impatt fuq l-ambjent allura dawk ħa jkunu meqjusin bħala difetti żgħar. Bħala eżempju l-logbook għandu xi żball żgħir jew klerikali fuqu dak illum sar difett ukoll u allura huwa difett li ma jaffetwax is-sikurezza tal-vettura imma xorta huwa difett allura jkollu bżonn jiġi tranġat.”

L-istess jiġri jekk karozza tfalli. Jew m’għaddietx mit-test minħabba difetti kbar; jew minħabba difetti perikolużi.

Difetti kbar ifisser li jistgħu jippreġudikaw is-sikurezza tal-vettura imma ma jkunux perikolużi – u hawnhekk is-sewwieq għandu sittax-il jum biex jirranġahom.

Min-naħa l-oħra, difetti perikolużi jistgħu jpoġġu ħajjet in-nies f’riskju; u f’dak il-każ, il-karozza ma tistax tintuża b’mod immedjat.

 

Spjega li “Huma difetti li jaffettwaw ħafna drabi l-komponenti essenzjali li jiddeterminaw is-sikurezza tal-vettura bħal difetti kbar fil-brejkijiet, difetti kbar fir-roti, fis-suspensions, fid-deformation zones, fl-airbag systems – komponenti li jekk ikollok difett fihom naturalment il-vettura ħa tfalli b’mod perikoluż.”

Bidliet oħra jikkonċernaw id-dwal tal-vetturi, il-bżonn ta’ test tal-VRT wara inċident serju, u multi aktar ħorox – li f’ċertu każi jlaħħqu l-ħames mitt ewro, għal dawk li jinqabdu jiksru r-regolamenti tal-VRT u dawk li jbagħbsu fl-ispeedometer tal-karozza biex jimmanipulaw fil-mili.

Id-direttiva mhux se taffettwa biss lis-sewwieqa, iżda daħlet obbligi stretti fuq it-tmienja u tletin stazzjon tal-VRT f’pajjiżna u l-għexieren ta’ operaturi fi ħdanhom.

Filwaqt li l-makkinarju użat biex bih isir it-test irid jilħaq il-livell minimu ta’ standards li titlob id-direttiva, it-testers ikunu f’riskju li jitilfu l-liċenzja jekk ma jsegwux ir-regoli.

Sostna li “It-testers għandhom l-obbligu mhux biss li jieħdu training li torganizza l-Awtorita biex it-test isir skont l-istandards li qed titlob id-direttiva, imma wkoll qed jiġi mitlub minnhom li jkunu kwalifikati biex jagħmlu dak it-tip ta’ xogħol – mhux għax qabel ma kinux imma għax il-livell mitlub żdied.”

Transport Malta ilha għaddejja bi tħejjijiet amministrattivi għal dawn l-aħħar sena u nofs, fejn fost l-oħrajn żviluppat sistema kompjuterizzata avvanzata biex it-testers ikunu jistgħu jdaħħlu r-riżultati onlajn, u s-sistema awtomatikament tikkalkula l-gravità tad-difetti misjuba.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit One News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here