Home Net News Rabja fost il-ħaddiema tal-Air Malta

Rabja fost il-ħaddiema tal-Air Malta

39
0
SHARE
Advertisement

Għexieren ta’ ħaddiema tal-Air Malta jinsabu rrabjati u diżillużi hekk kif saru jafu li l-offerti ta’ irtirar kmieni u somma flus bħala parti mill-kundizzjonijiet fi ftehim kollettiv ma japplikawx għal kulħadd.

Il-kwistjoni taffettwa ħaddiema li kienu jaħdmu mal-linja nazzjonali tal-ajru, joffru servizzi ta’ ground handling, iżda li issa ġew trasferiti ma’ kumpanija li ħoloq apposta l-Gvern bl-isem ta’ Air Malta Aviation Service.

Meta f’Diċembru li għadda kien ġie ffirmat dan il-ftehim kollettiv bejn l-Air Malta u l-General Workers’ Union, waqt konferenza tal-aħbarijiet kien intqal b’tant pompa u ftaħir li l-ħaddiema se jiġu offruti skemi ta’ rtirar kmieni u somma flus taħt il-volontary redundancy scheme u l-early retirement scheme.

Dawn il-wegħdi tant tpoġġew quddiem il-ħaddiema bi kliem sabiħ, li 98% tal-membri tal-General Workers’ Union ivvutaw favur u b’hekk wittew it-triq għall-iffirmar tal-ftehim kollettiv.

Iżda li ma kinux jafu l-ħaddiema, u b’dan ma ġietx infurmata lanqas il-midja, hu li minn madwar 450 ħaddiem tal-ground handling tal-Air Malta kienu se jibbenefikaw biss ftit ħaddiema.

Sorsi li tkellmu magħna spjegawlna kif fost l-iktar li ntlaqtu minn dan huma l-ħaddiema li ilhom l-iktar jaħdmu mal-kumpanija, hekk kif dawn kienu l-ħaddiema li kien jaqblilhom jirtiraw u jieħdu din is-somma. Dan għaliex il-figuri tas-somma flus jiżdiedu skond kemm dak li jkun ikun ilu jaħdem mal-kumpanija.

Ħafna minn dawn ilhom jaħdmu mal-kumpanija sa mill-ewwel snin mit-twaqqif ta’ din il-kumpanija, li ġiet stabbilita fl-1973. Is-sorsi tagħna ddeskrivewlna kif ħafna minn dawn huma ta’ twemmin Laburista u għalhekk id-dispjaċir tagħhom hu ikbar li l-Gvern tagħhom stess daħaq bihom.

Filfatt ħafna minn dawn il-ħaddiema huma nies tal-eks Ministru laburista Wistin Abela taż-Żejtun, li kien magħruf għal kemm kien idaħħal nies minn tiegħu jaħdmu mal-Air Malta.

Impjegati li tkellmu magħna spjegawlna wkoll kif fl-aħħar ġimgħat, kienu ħafna dawk l-impjegati li mlew rashom li se jirtiraw kmieni u jgawdu s-somma flus li jirċievu, b’diversi impjegati jduru u jieħdu r-ritratti ma’ sħabhom bħala rikordju qabel ma jibqgħux jaħdmu flimkien.

Iżda xi jiem ilu skoprew li ħadu ferħa bla temma hekk kif l-għexieren li applikaw biex jieħdu s-somma bdew jirċievu ittra bil-posta javżawhom li ma ġewx aċċettati għaliex l-iskema hi limitata ħafna, u li minnha se jgawdu biss ftit individwi magħżula.

The post Rabja fost il-ħaddiema tal-Air Malta appeared first on NETnews.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here