Home Net News Tal-mistħija kif esponenti tal-Gvern baqgħu jivilifikaw lil Daphne Caruana Galizia 6 xhur...

Tal-mistħija kif esponenti tal-Gvern baqgħu jivilifikaw lil Daphne Caruana Galizia 6 xhur wara mewtha

6
0
SHARE
Advertisement

“Il-ġurnalisti investigattivi nisa, fosthom Daphne Caruana Galizia, jigu soġġetti għal vjolenza u attakki kontinwi minħabba l-ħidma tagħhom. Daphne Caruana Galizia kienet tbati minn attakki sistematiċi mill-gvern preżenti, ġiet impinġija bħala saħħara u esponenti tal-Gvern provaw anke jagħlqulha ħalqha permezz ta’ bosta kawżi legali. Wieħed kien jistenna li l-istat jipproteġiha, iżda minflok, l-istat għamel il-maqlub.” Il-Membru tal-Parlament Ewropew Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qal dan fil-kuntest ta’ dibattitu fil-Parlament Ewropew li jitratta r-rwol tal-mara fis-settur tal-midja fl-Unjoni Ewropea.

Hu qal li llum, 6 xhur minn meta seħħ l-assasinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, tassew hi okkażjoni f’waqtha li nitkellmu dwar dan is-suġġett. Fost l-oħrajn ir-rapport jagħmel aċċenn dwar il-bżonn li jitkissru kull forma ta’ sterjotipi fil-midja. F’dan il-kuntest, Zammit Dimech qal li Daphne Caruana Galizia kienet l-aqwa ġurnalista investigattiva f’Malta. Hu fakkar kif hi kienet strumentali biex jinkixef l-iskandlu tal-Panama Papers li f’Malta ra l-involviment ta’ Ministru u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru. “Il-ħidma tagħha tant kienet ta’ kwalità li konsorzju ta’ 45 ġurnalist minn 18-il organizazzjoni tal-midja se jkomplu jaħdmu fuq l-istejjer l-aktar importanti li hi kitbet,” żied jgħid Zammit Dimech.

Francis Zammit Dimech spjega kif il-ħidma favur l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandha tkompli sabiex anke nagħtu valur lill-istess prinċipji ta’ Daphne Caruana Galizia li fil-kitbiet tagħha tkellmet bosta drabi favur l-ugwaljanza bejn is-sessi f’oqsma varji inkluż dak relatat mar-rwol tal-mara fis-settur tax-xogħol.

Francis Zammit Dimech hu membru tal-Kumitat responsabbli mil-Media u serva bħala rapporteur għall-grupp tal-PPE fuq ir-rapport li jikkonċerna l-libertà tal-midja fl-Unjoni Ewropea.

The post Tal-mistħija kif esponenti tal-Gvern baqgħu jivilifikaw lil Daphne Caruana Galizia 6 xhur wara mewtha appeared first on NETnews.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here