Home Net News Nectar tappoġġja l-kampanja ta’ Donazzjoni tal-Organi

Nectar tappoġġja l-kampanja ta’ Donazzjoni tal-Organi

43
0
SHARE
Advertisement

Madwar mitt persuna jinsabu fuq il-lista ta’ stennija għal trapjant tal-organi bħalma huma kliewi, korneja tal-għajnejn, qalb u pulmuni.  Id-donazzjoni tal-organi wara l-mewt hi ġest altruistiku li ma jiswiex flus, imma li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja għall-pazjenti u għall-familji tagħhom. Ħafna drabi ssalva l-ħajjiet. It-trapjantar tal-organi f’Malta beda jsir madwar 30 sena ilu u, matul dan il-perjodu, numru ta’ individwi ngħataw ċans ieħor ta’ ħajja. Dan hu grazzi għal trapjanti tal-organi li rċevew u, aktar u aktar, bis-saħħa ta’ donaturi tal-organi li jixirqilhom kull ringrazzjament mis-soċjetà.

F’dan il-kuntest, u bħala parti mir-responsabbiltà soċjali korporattiva, Nectar Ltd, importaturi u distributuri ta’ ikel u xorb ta’ kwalità madwar Malta u Għawdex, ħeġġet lill-impjegati biex jirreġistraw bħala donaturi tal-organi. Matul il-fażi inizjali tal-kampanja interna, 75 impjegat ta’ Nectar irreġistraw bħala donaturi ta’ organi mar-Reġistru Nazzjonali tad-Donazzjoni tal-Organi u Tessuti Umani.

Il-Kap tas-Social & Welfare Committee ta’ Nectar Ltd, Keith Cassar qal: “It-trapjanti ta’ organi, tessuti u ċelloli umani għandhom potenzjal kbir biex isalvaw u jtejbu l-ħajjiet ta’  individwi. Donatur wieħed wara mewtu jista’ jsalva sa tmien ħajjiet. L-istess donatur jista’ ukoll isalva jew itejjeb il-ħajja ta’ mill-inqas 50 ruħ oħra bid-donazzjoni ta’ tessuti umani.  B’dan f’moħħna, ħeġġiġna lill-impjegati ta’ Nectar biex isiru donaturi ta’ organi u jitkellmu b’mod miftuħ dwar id-donazzjoni ta’ organi mal-familji rispettivi tagħhom. Fl-aħħar mill-aħħar, l-isforzi tagħna se jsalvaw il-ħajjiet. Probabbilment din hi l-aktar donazzjoni importanti li persuna qatt tista’ tagħmel f’ħajjitha.”

Preżenti ukoll kien hemm ir-riċevitur ta’ organu, Christine Grixti, li qassmet l-esperjenza tagħha. Għal aktar minn 20 sena, Christine għexet ħajjitha b’marda tal-qalb. Kienet ħajja li fiha esperjenzat tbatija fiżika u mentali, restrizzjonijiet, inċertezzi, u l-biża kontinwa li tista’ tmut. “Madankollu, kienet din il-ħajja li għallmitni tassew xi tfisser li tapprezza kull nifs li nieħu, kull ġurnata u lejl, l-appoġġ u fuq kollox l-imħabba ta’ Alla.”

Illum il-ġurnata, qalb Christine tħabbat normali u qed tgħix il-miraklu – il-miraklu tal-ħajja, il-miraklu li reġgħet twieldet mill-ġdid.  Dan kien possibbli biss bis-saħħa ta’ qalb ta’ donatur li issa qed tħabbat fiha stess. Dak id-donatur fil-fatt ta lil Christine t-tieni opportunità biex tgħix u tkompli tieħu ħsieb il-familja tagħha.

Illum, Christine qed tfittex opportunitajiet biex taqsam l-esperjenza tagħha, u biex tagħmel kuraġġ lil dawk li bħalissa għaddejjin minn mument diffiċli fil-ħajja. Hi qed timpenja biex tkattar aktar  għarfien dwar il-ħtieġa li persuni jirreġistraw bħala donaturi tal-organi u b’hekk jagħtu ċans ieħor ta’ ħajja lill-oħrajn.

Skont il-leġislazzjoni li kienet adottata dan l-aħħar, persuni li jkunu għalqu 16-il sena jistgħu jirreġistraw bħala donaturi tal-organi tagħhom wara l-mewt, jew inkella jispeċifikaw liema organi għandhom ikunu mogħtija. Fil-lista ta’ mistoqsijiet li spiss ħafna jistaqsu, u li huma mniżżla fuq il-fuljetti tar-Reġistrazzjoni tad-Donaturi tal-Organi jingħad li: “kwalunkwe persuna, anke dawk li għandhom kundizzjoni medika, jistgħu jirreġistraw bħala donaturi tal-organi.” Iktar ma jkun hemm donaturi ta’ organi reġistrati, aktar ikun aħjar.

The post Nectar tappoġġja l-kampanja ta’ Donazzjoni tal-Organi appeared first on NETnews.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here