Home Net News Gowl lejn it-tmiem jċaħħad lit-tim Malti

Gowl lejn it-tmiem jċaħħad lit-tim Malti

59
0
SHARE
Advertisement

MALTA…………………0

LUSSEMBURGU…..1

Malta: A. Hogg, C. Attard, S. Borg, Z. Muscat (93’), J. Borg, A. Agius, S. Pisani, P. Fenech (M. Beerman 85’), R. Muscat (J. Zerafa 64’), L. Gambin (M. Mifsud 76’), A. Schembri (J.P. Farrugia 72’)

Lussemburgu: R. Schon, E. Mahmutovic (K. Malget 46’), C. Philipps, L. Gerson, C. Martins (A. Skenderovic 89’), V. Thill, G. Rodrigues (D. Da Mota 65’), D. Carlson (M. Janisch 76’), L. Barreiro (D. Sinani 76’), L. Jans, D. Turpel (M. Deville 65’)

Imwissija: J. Borg 68’, J. P. Farrugia 90’ (M), K. Malget 90’, C. Philipps 94’ (L)

Skorja: D. Da Mota 93’ (L)

Referee: Enea Jorgji

Assistenti Referees: Ermal Barushi, Rejdi Abado

Attendenza: 2217

Gowl fit-93 minuta ta telfa lit-tim nazzjonali Malti f’dik li kienet it-tieni logħba taħt it-tmexxija tal-kowċ nazzjonali Tom Saintfiet. Partita medjokri bi ftit azzjonijiet denji, bit-tim Malti minkejja jiddefendi għal ħinijiet twal.

Il-Lussemburgu kellhom pussess tal-ballun tul il-logħba, iżda ftit kienu perikolużi. It-tim Malti kien aktar difensiv milli offensiv, biż-żewġ okkażjonijiet li nħolqu waslu minn żball fid-difiża avversarja.

Żgur li f’din il-logħba ma deherx il-futbol offensiv li tkellem fuqu Tom Saintfiet, hekk kif fil-formazzjoni inizjali kien hemm Andrè Schembri u Luke Gambin li jistgħu jitqiesu bħala offensivi, b’Rowen Muscat kultant jaġixxi bħala l-plejer wara Schembri.

Il-kowċ nazzjonali għamel xejn anqas minn sitt bidliet mid-debutt tiegħu kontra l-Estonja, b’sistema ta’ 4-1-4-1. Andrew Hogg beda fil-lasta flok Henry Bonello. Fid-difiża Cain Attard u Jean Borg bdew fuq il-linja b’tal-aħħar jagħmel id-debutt. Andrei Agius beda quddiem id-difiża, Paul Fenech beda f’nofs il-grawnd filwaqt li Steve Pisani beda mal-linja.

Barra minn hekk, Steve Borg u Zach Muscat bdew bħala difensuri ċentrali minflok laterali kif bdew kontra l-Estonja, filwaqt li Andrè Schembri beda bħala l-attakkant prinċipali. Il-Lussemburgu kienu ġejjin minn telfa fl-aħħar ħames logħbiet, b’rebħiet kontra l-Belarus u l-Ungerija u draws kontra Franza u l-Bulgarija.

It-tim nazzjonali Malti għal ma sofriex l-ewwel gowl wara 38 sekonda b’azzjoni tajba tal-Lussemburgu, iżda Andrew Hogg salva x-xutt ta’ David Turpel. Jgħaddu seba’ minuti u l-Lussemburgu reġgħu qrib il-gowl b’daqqa ta’ ras minn pożizzjoni tajba ta’ Gerson Rodrigues tgħaddi ftit għoli wara kross mil-lemin. Ftit sekondi wara Hogg kien attent biex salva xutt ta’ Rodrigues.

Iżda l-aħjar okkażjoni tat-taqsima waslet għat-tim Malti. Luke Gambin seraq ballun u qassam lejn Andrè Schembri li kellu biss quddiemu żewġ difensuri, iżda wara li dam jaħsibha xi ftit ix-xutt finali tiegħu kien maqlugħ minn fuq il-linja minn Christopher Martins.

It-tieni taqsima kompliet fuq ir-ritmu baxx tal-ewwel taqsima u kien biss fit-73 minuta li kien hemm tentattiv denju fil-lasta. Kien fit-73 minuta li l-Lussemburgu kienu perikolużi b’xutt b’saħħtu minn barra ta’ Laurent Jans, iżda Andrew Hogg kien attent u bi bravura dawwar f’korner.

Ċans tajjeb għat-tim Malti żewġ minuti wara meta Jean Paul Farrugia seraq ballun mil-lemin, daħal fil-kaxxa u għażel li krossja lejn Paul Fenech li kien waħdu fil-kaxxa, iżda l-kross kien b’saħħtu u Fenech ma xxutjax kif mixtieq. Il-Lussemburgu baqgħu jikkmandaw il-logħba u fit-82 minuta minn azzjoni ta’ korner xutt minn pożizzjoni ċentrali fil-kaxxa ta’ Kevin Malget għaddiet barra.

Il-logħba dehret li se tintemm fi draw ta’ mingħajr gowls iżda fit-93 minuta l-Lussemburgu skorjaw il-gowl tar-rebħa. Kien korner mix-xellug, Andrew Hogg salva parzjalment daqqa ta’ ras, bil-ballun jispiċċa għand is-sostitut Daniel DA MOTA li mill-viċin ma kellux problema jiskorja.

The post Gowl lejn it-tmiem jċaħħad lit-tim Malti appeared first on NETnews.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here