Home Net News IL-BAĠIT TAL-UE: Possibbiltà li l-flus tal-Ewropa jkunu marbuta mar-rispett tas-Saltna tad-Dritt

IL-BAĠIT TAL-UE: Possibbiltà li l-flus tal-Ewropa jkunu marbuta mar-rispett tas-Saltna tad-Dritt

46
0
SHARE
Advertisement

Fi ħdan il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, mill-aħħar jiem ta’ Jannar li għadda bdiet diskussjoni dwar proposta li l-Kummissjoni Ewropea mistennija tagħmel marbuta mal-Framework Finanzjarju li jmiss.

Skont din il-proposta, li għadha qed tkun mirquma u li dwarha jidher li hemm qbil fil-prinċipju fi ħdan l-istess Kummissjoni, il-flus tal-Baġit Ewropew se jibdew ikunu marbuta ma’ kemm pajjiż membru jkun jirrispetta s-Saltna tad-Dritt (Rule of Law).

L-Unjoni Ewropea għandha żewġ tipi ta’ Baġits, dak ta’ kull sena (li jservi għall-ħidma ta’ sena partikolari) u dak mifrux fuq perjodu ta’ seba’ snin (li jiffinanzja proġetti u inizjattivi fil-pajjizi membri kollha). Dan tal-aħħar hu teknikament magħruf bħala Multi Annual Financial Framework. Dak attwali jkopri l-perjodu bejn is-snin 2014 u 2020.

Għalkemm għad fadal kważi tliet snin oħra biex dan il-Baġit jiskadi, diġà bdiet it-tħejjija minn tim imwaqqaf apposta fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea, biex ifassal l-abbozz għall-perjodu 2021-2027 li wara negozjati u diskussjonijiet twal u iebsa, finalment ikun approvat u jibda jkun implimentat għall-ġid taċ-ċittadini tal-pajjiżi membri.

Il-Framework Finanzjarju li jmiss qed ikun kunsidrat bħala importanti u mhux tas-soltu. Primarjament għaliex dan suppost li jkun l-ewwel wieħed mingħajr is-sehem tar-Renju Unit, kemm bħala pajjiż li jikkontribwixxi fondi, kif ukoll bħala pajjiż li jieħu l-fondi.

It-tim tal-Kummissjoni Ewropea, li jinkludi fost l-oħrajn lill-Kummissarju għall-Budget tal-UE, Gunther H. Oettinger, qed jaħseb ovvjament għal kull possibbiltà, inkluża dik li l-Ingliżi jerġgħu jaħsbuha u l-famuż Brexit ma jseħħx wara kollox. Dwar dan hemm inċertezza kbira, imma fil-frattemp il-pajjiżi l-oħra ma jistgħux joqogħdu jistennew.

Mil-lat ekonomiku dan il-Baġit multi-annwali se jkun jiswa madwar biljun (elf miljun) ewro kull sena. Kien għalhekk li parti mit-tħejjija li diġà saret tirrigwarda l-flus li kien jikkontribwixxi r-Renju Unit u issa jrid jitpatta b’kontribuzzjoni akbar mill-pajjizi l-oħra.

F’dan is-sens kien fatt pożittiv li l-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant, magħrufa bħala tal-Grupp V4, diġà aċċettaw li jikkontribwixxu ftit aktar. Taħditiet ma’ pajjizi oħra bħal Franza u l-Ġermanja għadhom għaddejjin.

Proposta kontroversjali

Lejn l-aħħar jiem ta’ Jannar fi ħdan il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea bdiet diskussjoni dwar proposta li l-Kummissjoni Ewropea mistennija tagħmel marbuta mal-Framework Finanzjarju li jmiss. Dwar din il-proposta tkellmet pubblikament il-Kummissarju għall-Ġustizzja, Konsumaturi u Ugwaljanza tal-Ġeneru, Vera Jourova.

Skont din il-proposta, li dwarha jidher li hemm qbil fil-prinċipju fi ħdan l-istess Kummissjoni, il-flus tal-Baġit Ewropew se jibdew ikunu marbuta ma’ kemm pajjiż membru jkun jirrispetta s-Saltna tad-Dritt (Rule of Law).

Il-Kummissarju Jourova spjegat li l-Kummissjoni Ewropea se tiddefinixxi x’inhi s-Saltna tad-Dritt fil-kuntest tal-Baġit tal-Unjoni Ewropea. Hi qalet li din mhux se tkun miżura ta’ kastig iżda aktar bħala mekkaniżmu ta’ appoġġ għal prattiċi tajbin. Hi żiedet tgħid li s-Saltna tad-Dritt hi pre-kundizzjoni għal kollox u mhux biss għall-Fondi ta’ Koeżjoni jew il-politika agrikola.

Ma setax jonqos li dan il-kliem ġab miegħu kemm reazzjonijiet favorevoli, kif ukoll oħrajn kontra.

L-eks-Prim Ministru Belġjan u Kap tal-Grupp Liberali fil-Parlament Ewropew, minbarra li hu wkoll Koordinatur tal-UE dwar Brexit, Guy Verhofstadt, appoġġja l-inizjattiva u qal li hu loġiku li l-flus ġejjin mit-taxxi tal-Ewropej għandhom jiggarantixxu s-Saltna tad-Dritt. Min jiċħad il-valuri Ewropej ma jistax jirċievi flus mill-UE.

Min-naħa tiegħu l-Kummissarju Oettinger, filwaqt li kkonferma din il-proposta, qal li anke l-investituri jħarsu lejn ir-rispett tas-Saltna tad-Dritt, għalhekk il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea se tkun fl-interess taċ-ċittadini Ewropej.

Mill-banda l-oħra l-Polonja u r-Rumanija bħalma kien mistenni, ħarġu jikkritikaw il-possibilita li l-flus tal-Ewropa jkunu marbuta mar-rispett tas-Saltna tad-Dritt. It-tnejn qalu li se jagħmlu li jistgħu fil-Kunsill tal-Ministri (ir-rappreżentanti tal-gvernijiet) biex jimblukkaw kull proposta f’dan is-sens. Ta’ min ifakkar li l-Polonja, ir-Rumanija u l-Ungerija fl-aħħar xhur kienu ferm kritikati fi ħdan l-UE dwar nuqqas ta’ rispett tas-Saltna tad-Dritt.

Wisq probabbli li d-diskusjoni fuq livell ta’ gvernijiet se tkompli waqt is-Summit Ewropew li jmiss, aktar tard dan ix-xahar. Diskussjonijiet li mistennija jsiru aktar spissi wara li f’Mejju li ġej il-Kummissjoni Ewropea tippubblika l-ewwel abbozz tal-Framework Finanzjarju li jidħol fis-seħħ fl-2121.

…u Malta

Safejn hu magħruf s’issa, il-Gvern Malti għadu ma ħax pożizzjoni dwar din il-possibbiltà, għalkemm Malta wkoll kienet kritikata bl-aħrax fil-Parlament Ewropew dwar ir-rispett (jew in-nuqqas tiegħu) tas-Saltna tad-Dritt. Saħansitra ntbagħtet delegazzjoni f’Malta li wara għamlet rapport ferm kritiku ghall-Gvern ta’ Joseph Muscat.

Mhux magħruf jekk il-Gvern Malti hux se jassoċja ruħu mal-gvernijiet tal-Ewropa tal-Lvant biex jippruvaw jimblukkaw din il-proposta, b’riskju kbir li l-Baġit Ewropew na jkunx approvat fil-ħin biex jibdew igawdu minnu ċ-ċittadini Ewropej fl-2021.

Hawnhekk ta’ min isemmi li fi-seba’ snin attwali, Malta qed tgawdi minn biljun u 120,000 ewro f’fondi Ewropej, wara li l-Gvern Nazzjonalista taħt il-Prim Ministru Lawrence Gonzi kien għamel kapulavur politiku-finanzjarju fis-Summit Ewropew li ntemm bi ftehim fit-8 ta’ Frar 2013. Flus li għadu jiddandan bihom il-Gvern ta’ Joseph Muscat, li issa qed ipoġġihom f’periklu bl-aġir tiegħu.

The post IL-BAĠIT TAL-UE: Possibbiltà li l-flus tal-Ewropa jkunu marbuta mar-rispett tas-Saltna tad-Dritt appeared first on NETnews.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here